February 17, 2015

Home: Part Two



            Għaddew fuq tliet ġimgħat diġà marijamadonna minn dakinhar illi nfilzajt ruħi fil-grupp. Il-laqgħat jinżammu darbtejn fil-ġimgħa: it-Tnejn u l-Ġimgħa. Ħafna mill-grupp jattendi minn jeddu iżda ħamsa minnhom qegħdin hemm parti minn programm obbligatorju. Ma' kull waħda bdejt insir naf dejjem iżjed tentufiet interessanti dwar kull wieħed u waħda. Intbaħt li kont attur tajjeb, ukoll. Kont dħalt sew fil-parti ta’ Pierre, għalliem tal-Bioloġija f’Kulleġġ post-sekondarju privat, li wara mewt martu xtaq imur ħdejha the long way. Ħarriftilhom dwar kif sibt ruħi quddiem il-Bord tad-Dixxiplina li ma ħallilix għażla jekk ma ridtx nara l-bieb ta’ barra. “Jekk tassew trid issalva d-daqsxejn reputazzjoni li fadallek,” kif taparsi amarli l-Prinċipal De Pasquale.
            “Kuraġġ, ħabib,” kienet il-kelma ta’faraġ mingħand il-ħafna.
           Iżda jien ma kontx hemm fosthom biex naqta’ x-xorb. Kont hemm għaliex wieħed minnhom ma kienx min kien qed jallega li kien. Il-counsellor tas-Sedqa kien l-uniku wieħed konxju li kont hemm undercover. Tassew li f’kull grupp hemm dejjem ċans issib lil xi ħadd jagħmilha ta’ dak li mhux għaliex il-mistħija hija forza qawwija ħafna. Iżda f’dal-każ il-mistħija ma kellhiex sehem.
Wieħed minn dawn il-ħdax ma kienx onest dwar il-problema u ma kienx qiegħed hemm ġew sabiex tassew ifieq minnha. Għax għalkemm anke jien kont qed inqarraq bihom ukoll, il-finijiet tagħna kienu għal kollox differenti minn xulxin.  
L-impostur kien daħal jagħmel parti mill-grupp sabiex jistabbilixxi kuntatt ma’ ex-alkoħoliku għaliex hemm barra ma setax jagħmel dan għal diversi raġunijiet: 1) l-ex-alkoħoliku kien qed jagħmel programm, f’waħda mir-residenzi tas-Sedqa, li matulu ftit kellu aċċess u kuntatt mad-dinja ta’ barra; 2) il-mobiles kienu strettament ipprojbiti; 3) ma riedx jagħti wisq fl-għajn jekk jagħmel dan b’mod daqshekk fl-apert; 4) u għaliex iżjed minn kollox il-finijiet tal-impostur kienu kriminali.
David* - dak li jekk Tiftakru l-ewwel parti ta’ din il-bloggata għiditilkom li waqaf jixrob għax il-mara hedditu li teħodlu kollox – kien wieħed mill-aqwa mħuħ fil-pajjiż fejn jidħlu hold-ups ikkumplikati. Dawk l-iktar sofistikati u li għamlu ħoss fil-pajjiż kollha kellhom, b’xi mod jew ieħor, il-marka tiegħu.
“Iżda issa daqshekk ma’ dik il-ħajja tal-passat,” qalilna darba waqt laqgħa minnhom.  
Għaldaqstant l-impostur kellu l-ħsieb li jreġġgħu lura minn kelmtu. Skont wieħed mill-informaturi tiegħi, il-kelma ġriet li kienet ippjanata serqa kuraġġjuża mill-Bank Ċentrali ta’ Malta u l-moħħ warajha – għalkemm l-identità tiegħu ma kinitx magħrufa – kien daħal jagħmel programm tas-Sedqa biex iħajjar lil David* itih daqqa t’id.
David* kien espertissimu, u apparti hekk fis-Snin Disgħin kien diġà pprova darba oħra (bla suċċess) jattakka l-Bank Ċentrali. Minħabba f’hekk kien il-persuna ideali sabiex joħloq il-pjan perfett għat-twettiq tagħha: mill-kuntatti għall-blueprints tal-Bank, eċċetra. Ħabat tajjeb li David* - almenu mill-ħafna drabi li tkellimna ras imb ras - ma kellux idea min jien tassew. L-impostur kellu f’idejh karta importanti: it-tentazzjoni li jaqsmu bejniethom eluf kbar kienet ferm akbar minn dik tal-flixkun. Għax ħanżir taqtagħlu denbu ma jsirx ħmar.
Għalhekk f’moħħi nibet pjan sempliċi kif noħorġu mill-camouflage.
Apparti David* – illum iqarreb is-sittin iżda fid-dehra taħsbu iżgħar sew – l-erbgħa l-oħra li kienu qed jagħmlu l-programm kienu: Ġuże’* il-gay illi fl-apert beda jqisu father figure; Bernard*, illi bħala awtur magħluq bejn erba’ ħitan minnufih fehem li seta’ jerġa’ jikteb bestseller ibbażat fuq ħajjet David*; Donald* il-bankier illi kien għadu mimli għadab għal kull forma ta’ istituzzjoni finanzjarja; u Dario* id-dj li llum ħadd ma jridu iżda għadu joħlom li għad jagħmel comeback liema bħalu.
Fuq kull membru tal-grupp kelli file apposta mimli rekords dwar ħajjithom tal-imgħoddi, cuttings mill-ġurnali, rekords telefoniċi qabel bdew il-programm, osservazzjonijiet personali tal-manjieri tagħhom, kliemhom, tal-aġir waqt il-laqgħat, konfessjonijiet veri jew foloz, eċċetra. Iżda ridt nimmanuvra b’seba’ għajnejn: ma ridtx ninkixef qabel il-waqt jew nitlef il-fiduċja ta’ xi wieħed minnhom.
Għaldaqstant qist li kien wasal il-waqt li nħaddem il-pjan: bdejt billi b’mod diskret xerridt il-kelma fosthom kif tas-Sedqa qed jissuspettaw illi xi ħadd minnhom qed jikser ir-regolamenti. Min tassew irid iwettaq rijabilitazzjoni, jaf li f’dawn l-affarijiet mhemmx nejk għax jerġa’ jsib ruħu barra. Il-counsellor kien kompliċi iżda kellu struzzjonijiet ċari sabiex ħadd ma jieħu azzjoni qabel il-waqt.
L-għada nirċievi telefonata mingħandu fejn skontu Dario* kien qed jaġixxi b’mod suspettuż: fosthom illi f’kamartu nstabu karti moħbija sew f’qiegħ falz ta’ bagalja juru passaġġi sigrieti u akkwisti ta’ inġenji, fuq wieħed mill-pakketti tas-sigaretti ta’ David* instab miktub in-numru tal-mobile tal-ex-dj kif ukoll l-email tiegħu. Inżamm rekord ta’ dan kollu.
Qabel l-aħħar laqgħa għamilt sinjal lil Dario* jekk riedx joħroġ pejjep sigarett miegħi. Ma qalx le.  Ħriġt il-flask mill-but tal-ġakketta u niżżilt żewġ boqqiet.
“Newwel ‘l hawn,” qalli bi tbissima ta’ min ix-xorb ma qatgħu qatt fil-verità.
“Your secret is safe with me,” serraħtlu rasu. Dħalt warajh. Iżda mhux qabel infurmajt lill-Kummissarju bl-iżviluppi u spjegajtlu fejn kienet qed tinżamm il-laqgħa.
Siegħa wara kif riġment membri tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali kaxkruh magħhom lejn id-Depot għall-ewwel interrogazzjonijiet, sibt ruħi nitbissem. Għax għal darba x-xorb sewa tassew għal xi ħaġa.