September 17, 2020

Glory Days


“I hope when I get old I don't sit around thinking about it.”

            Kont għoddni qtajt qalbi li għad inħarbex aktar rakkonti – bejn ħafna xogħol u sahra li bilkemm ħallewli ħajja sa biex ngħix, diż-żobb ta’ Covid li gerfxet ‘l Alla, u bejn li xi kultant kont insibha iebsa nintefa’ bilqiegħda nikteb. Miniex kittieb b’idejja fuq żaqqi jien. Iżda mbagħad il-ħajja taf tiddeċiedi għalik mod ieħor. U l-iskoss ġrajjiet strambi li seħħewli matul dawn l-aħħar xhur ma ħallewli ebda għażla. Ma stajtx inżommha għalija biss.

            Insomma ejja ma ntawwalx. Għaliex il-paroli fil-vojt tajjeb biss għall-politiċi u għall-avukati u dawk li jħobbu jgħidu ħafna iżda kif tagħsar ma ssib xejn ta’ sugu. Bħal dawk li jmorru l-Parlament isaħħnu s-siġġu, per eżempju.

            Biex ma jtinix estru mix-xogħol għall-flat jew bil-maqlub, kultant naqbad u nerħilha għal mixja kemxejn twila. Għaldaqstant ma niskantax bosta jekk xi ħadd minnkom ġieli rani nterraq matul ix-xatt tar-raħal ‘il fuq u ‘l isfel sal-Gżira u lura avolja bla sforz żejjed u mhux darba jew tnejn b’xi sigarett li jinżel għasel mar-riħa tal-baħar.

            Iżda dan li ġej huwa kollu minnu, mhux xi ħrafa ta’ xi kittieb Mosti.

         Waqt wieħed minn dawn il-pellegrinaġġi obbligatorju frekwenti maż-żerniq, nilmaħ xwejjaħ liebes elegantissimu. Bħallikieku wieħed mill-aħħar ftit samuraj li xemx jew xita jxidd libsa intiera, b’sidrija u ingravata inkluża u żarbun ileqq tista’ tara wiċċek fih. Iserraħ mal-ħadid, għandu bżonn lagħqa żebgħa, u b'basket tal-plastik ħadrani fuq spallejh. Kellu ħarstu fuq il-baħar mitlufa fil-vojt. Qisu barra minn loku. Kont ħa nibqa’ sejjer għal triqti, għax mhux fin-natura tiegħi ndejjaq sorm ħadd barra minn xogħli, iżda kif eżatt għaddejt bi żbrixx minn maġenbu, dar f’salt u qabadli jdejja.

            “Naħseb nafek.”

            Ħarisli dritt f’għajnejja. Ma kellix l-iċken idea min kien.       

“Tista’ teħodni d-dar t’ommi?” saqsieni bil-ħniena, kważi bid-dmugħ f’għajnejh.

Fuq fuq kienet evidenti li t-tmenin kien skorriehom, u skorriehom sew.

           “Fejn toqgħod ommok?” komplejt miegħu aktar biex ma nkomplix infixklu.

           “Ħdejn is-Sależjani,” tennieli b’ċertezza u ppuntali b’subgħajh daqslikieku jien kont il-mitluf u mhux bil-maqlub.

            Konna daqs kwarta bogħod iżda ma flaħtx nabbandunah għal riħu. U jekk jiġrilu xi ħaġa? U jekk jarani xi ħadd? Peress li mhawnx nies ksur il-għajn lesti jikxfulek sormok mal-erbat irjieħ mal-ewwel ċans. Imbagħad off-duty u mhux, dmiri ngħin lil dawk fil-bżonn. Dawk li jdejqulek il-ġarretta, storja oħra mbagħad. U l-kuxjenza ma kinitx tħallini bi kwieti, lanqas.

B’pass kajman beda jirrakkuntali dwar kif jiftakarha mod ieħor lil Tas-Sliema: kollha djar b’sular wieħed u ġnien imdaqqas, bi ftit traffiku, bil-baħrin Ingliżi/Amerikani jitlajjaw għax-xorb u għan-nisa, bic-Chalet għadu wieqaf fl-aqwa tiegħu u bil-biżibilju memorji t’imgħoddi remot aktar milli riċenti. Tul il-mixja kollha ma ċediex pulzier mill-ħatfa tiegħu t’idejja. Kont b’xi mod il-wens tiegħu. Saqsejtu mnejn kien ġej u qalli biss li kien qabad tal-linja mill-Fgura. Possibbli? Jew qed igerfex anke dwar it-traġitt?

            Dorna mad-daħla ta’ qabel il-Preluna u bdejna telgħin ‘il fuq ma’ Triq Ġużè Howard u beda jgħidli kif jiftakru jidħol il-Belt ta’ kuljum għax-xogħol ħalli jerħilha l-Progress Press maġenb Kastilja. Stampatur? Fotografu? Ġurnalist? Jew qed igerfex anke dwar xogħlu?

            Waqaft zoptu. Intbaħt li tul dal-ħin kollu qas kont indenjajt insaqsih x’jismu.

            “Feliċ Rapa.”

           Feliċ Rapa: wieħed mill-iprem ġurnalisti investigattivi li kellna fil-pajjiż. Tfuliti kienet miżgħuda qari tal-artikli dettaljati tiegħu dwar xi delitt jew ieħor. Meta dħalt fil-Korp jien, kien irtira mill-ġurnaliżmu hu. Xi ftit tas-snin ilu kien wasal għal widnejja li x-xwejjaħ kien inħakem mil-qerda silenzjuża tad-dimensja. Tant hu hekk li wliedu ħassew li jkun aħjar jekk jinġabar f’dar privata tal-anzjani. Ma kontx naf aktar x’sar aktar minnu qabel tfaċċa quddiemi donnu apposta.

          “Int l-Ispettur Horace Calleja, le?

        Deher konvint minkejja l-mistoqsija. Horace Calleja kien il-predeċessur tiegħi fit-Taqsima ta’ Kontra l-Omiċidji u fiżikament konna nixxiebhu daqskemm tista’ ssib xebh bejn Trump u Merkel. F’dal-każ gidba ma kinitx ħa tkun għal ġid.

          “Erm, jien l-Ispettur Victor Gallo ...”

          “Tiftakru l-każ ta’ Max Spiteri?”

            Mill-ġdid dik il-ħarsa niffieda.

            Niftakru ingħid. Elf disa’ mija u sebgħin. Jekk għadu mhux solvut sal-ġurnata mqaddsa tal-lum u jekk huwa wieħed minn dawk l-omiċidji brutali li jibqgħu stampati f’moħħok avolja seħħ ferm qabel żmienek, meta kont għadek bilkemm twelidt. Wieħed minn dawk il-każijiet li matul is-snin qisu ħa l-forma ta’ leġġenda li wieħed jirrakkonta lill-ieħor u dejjem iżid xi dettalji mal-ġrajja sakemm tibda titfixkel liema huwa l-veru u liema hu l-mistħajjel.

            “Dak li sabuh mgħarraq fil-bir tal-kunjatu f’San Pawl il-Baħar?”

          

Għajnejh donnhom ħadu l-ħajja. Bħallikieku ried jgħidli: hawn xi ħadd ieħor jiftakar!

            Suwiċidju jew delitt? Qatt ma kien stabbilit b’ċertezza. Il-familja tal-għarusa tiegħu, Rebecca Cini, kienu kollha jinsabu l-Awstralja fu żjara twila għand familjari u l-ġuvni ma kien jidher li kellu ebda għedewwa. Pjuttost kien maħbub minn kulħadd u magħruf kemm jgħin il-proxxmu. Ma nstabu ebda sinjali ta’ vjolenza fuq ġisem il-vittma.

            Ċlikki ċlikki bejn diskussjoni bla waqfien fuq il-każ wasalna ħdejn is-Sależjani. Rapa jgħid tiegħu u jien tiegħi.

            “Fejn toqgħod eżatt ommok allura?”

            Ħarsa konfuża.

            Weġibni mobile jdoqq minflok. Kien wieħed minn uliedu inkwetat bl-aħbar li missieru żgiċċa bla permess mill-Fgura. Serraħtlu rasu li kien f’kundizzjoni tajba u spjegajtlu min jien u fejn konna ninsabu. Wegħedni li f’temp ta’ kwarta jkun ħdejja.

            Ikkonvinċejtu jpoġġi bilqiegħda fuq it-turġien tat-Teatru. U biex ngħaddu l-ħin qbadtlu fuq iż-żminijiet tiegħu mat-Times.

            Imbagħad bħal f’salt wieħed bħal donnu ftakar f’xi ħaġa, niżżel il-basket tal-plastik minn fuq spallejh u minn ġo fih ħareġ ritratt kemxejn mgħarraq.

            Għaddihuli daqslikieku kien xi teżor.

            Black & white. Żewġ ġuvintur spalla ma’ spalla, it-tnejn jitbissmu, bilqiegħda fuq il-bonnet ta’ Triumph. Meħud x’imkien Buġibba, mid-dehra. Wieħed miż-żgħażagħ kellu ċirku madwar rasu. L-ieħor kien il-vittma tal-bir.

            “Dan qatlu lil Max Spiteri, ċert! Kien marlu mat-tfajla u baqa’ baqa’ sakemm pattihilu.”

            “Min hu?”

            Iżda għal darb’oħra Rapa kien ġie misruq miċ-ċpar tal-memorji.

            “Int min int? Hawn fejn ġibtni? Ħudni għand ommi issa!”

            Kif ilmaħt il-vettura t’iben Rapa stħajjiltni qed nara viżjoni mistika u għedt għall-erwieħ.

            Ir-ritratt għadu għandi u beħsiebni nitkixxef aktar.

            Kelma ta’ Gallo.