October 29, 2014

Bandiera gialla




            Missieri kien dejjem jgħidli – hekk kif kien jarani b’widnejja mkaħħlin mar-radju ċkejken, li kelli bokka bih ma ngħidilkomx, u nagħmel mossi stupidi bħallikieku qed jirnexxieli fil-fatt nistħajjel dak li qed nisma’ – li ma kellux ħjiel lil min ħriġt nixbah f’dak l-aspett. Għalih dan kien sinjal ieħor ta’ ribelljoni. Għaliex it-tuffieħa ma taqax dejjem qrib is-siġra, pa. Mur għidlu illi f’kamarti, ta’ spiss, il-biros tal-iskola kienu jinbidlu fi players u s-sodda fil-pitch.
            Imbagħad aktar u aktar fl-isfond tal-fatt li għall-kuntrarju tiegħu, ħsiebu biss fid-destra u fis-sinistra u fi Craxi jew f’Andreotti, jien tlajt nobgħod il-politika u kull ma jmiss magħha.
         Il-Ħadd Imqaddes, xemx jew xita, fit-tlieta ta’ wara nofsinhar b’rasu jdur min kien jidħol bejni u n-National Panasonic griż tiegħi. Ir-riħ biss, ja mnejjek, xi kultant kien jirnexxielu (sa ċertu punt) iħassar il-festi. Meta kien jitfaċċa t-textix – għax ir-riħ ġej minn Sqallija, kienet tispjegali ommi kif kienet tarani bil-geddum – arani ndur u nagħqad mad-dar insib l-aħjar pożizzjoni inkella nilgħab mal-aerial bħallikieku kien xi bakketta maġika. Ħafna drabi l-kamra tal-bejt, fiha daqs sala ta’ palazz, kienet tispiċċa ssir il-wens tiegħi għax hemm allajbierek dejjem ċar kristall kien jaqbad.
            Tgħallimt ilsien art twelidi iżjed mingħand Ameri, Provenzali, Ciotti, Giannini (dik l-ironija miċidjali tiegħu) u l-bqija tal-klikka ta’ Radio Rai milli mingħand missieri (li kien jesiġi li nitkellmu bil-Malti l-ħin kollu). U għalkemm kont inkun fuq ix-xwiek sabiex nisma’ aġġornament tar-riżultat tal-Fiorentina – għax tridu tiftakru li ġeneralment kien ikun hemm tal-anqas xi sitt grounds oħra kollegati mal-istudio ċentrali ta’ Saxa Rubra - kull radjukronaka kont nistħajjilha poeżija. Innu ta’ tifħir lill-calcio più bello del mondo (xi darba, għax illum qisu mara mimlija Botox). Imbagħad interruzzjoni (tipo Ciotti jitqanżaħ sabiex ilissen Interrompo da ...) tħabbar goal tal-Viola li kienet ittellgħani sparat il-ġenna. Mhux darba jew tnejn li bdejt inwerżaq qisni miġnun. Min jaf il-ġirien tagħna kemm–il darba ħasbu li għaddejja xi gwerra bejni u ħuti. Darba, kien żmien il-Karnival jidhirli, maħkum minn eċċitament liema bħalu għal goal ta’ Socrates, l-imbierek National Panasonic għal ftit ma kejjilx iż-żewġ sulari għoli.
            Il-Ħdud li kontra qalbi kelli naqbeż puntati – l-aktar kull meta kien jiltaqa’ l-klan Gallo fl-għelieqi tan-nannu (missier ommi) fuq riħ Xrobb l-Għaġin, fejn ir-radju ma kienx permess għal raġunijiet ta’ soċjalizzazzjoni ma’ kuġini antipatki – kont nispiċċa nasal lura d-dar anzjuż ħafna aktar mill-medja normali. Kif ġejna? Irbaħna? Min skurja? Għaliex l-ewwel u qabel kollox kien jiġi r-riżultat. Mill-wirja tat-team ftit kien jimpurtani. Almenu dak iż-żmien. T’erbatax ikollok ħabta torbot ir-riżultat mal-burdata. Għalkemm ironikament għadni nbati mill-istess vizzju sal-lum.
          Imbagħad ġirja għal fuq is-sufan b’ħerqa reliġjuża. Bit-tama li missieri: a) ikun qatagħha li jinżel sax-xatt jiltaqa’ ma’ sħabu għal żewġ flixken birra (li ġeneralment kienu jsiru għaxra) fil-bar tas-soltu; jew b) jekk jintefa’ – kif kellu ħabta jagħmel – jara l-imbierek TG1 ma jfettillux jagħmel tripletta u joqgħod jara t-TG2 u t-TG3 ukoll. Għax bħallikieku mhux kollha l-istess aħbarijiet kienu jġibu. Sakemm wara li jirnexxieli negħleb dan l-ostakli kollha ma nintebaħx li xi ħadd minn ħuti jagħmel it-televixin tiegħu u jfottili l-pipa f’sormha.
Ħalli malli titbattal il-pultruna nikkapparaha għal 90⁰ minuto fejn, matul dik in-nofs siegħa, Paolo Valenti kien jinbidel fil-gwida Danteska għall-miljuni li konna nqisu l-football l-ewwel u qabel kollox. Kien żmien ieħor. Mhux bħal-lum fejn bejn logħbiet imqassma fuq weekend sħiħ, stazzjonijiet satelittari u replays bla tmiem tista’ tara l-azzjonijiet ad infinitum (u ad nauseam ukoll).
“Amici sportivi, buona sera e ben ritrovati ...”
            Mit-televixin tal-kulur Grundig mixtri bil-kuntrabandu ovvjament – qed nitkellmu żmien Lorry Sant u l-ġbid tal-ispag u l-envelopps mimlijin liri – ħassejt l-ewwel tqanqil t’orgażmu sportiv.  Il-grinta ta’ Passarella, it-teknika t’Antognoni, il-goals ta’ Massaro u l-klassi ta’ Socrates bil-gear vjola kienu l-preludju għas-sejbiet femminili ta’ xeħta oħra aktar ‘il quddiem.
            Sakemm waslet it-telefonata, għal għarrieda biex ngħidu kollox, taz-ziju Egidio mill-peniżola. Darba f’mitt qamar konna nisimgħu b’aħbar ħu missieri, illi inzerta ż-żgħir u bniedem ta’ rasu ħafna aktar mill-medja Gallo. Mid-dehra, minn dak li kien irnexxieli nissemma’ (vizzju misħut li qtajt a spejjeż tiegħi), kien qam xi diżgwid bejn l-aħwa – ħaġa normalissima kelli nsir naf snin wara – fuq id-distribuzzjoni tal-inbejjed tal-familja fl-inħawi ta’ Greve u l-bqija tar-reġjun. Bla email jew Internet u bir-rati internazzjonali tat-TeleMalta m’għola Alla, missieri ma kellux triq oħra ħlief jitla’ pajjiżu u jieħu r-riedni f’idejh. Il-bużillis kien li zio Egidio rabtu b’kundizzjoni waħda: li miegħu nitla’ jien.
            “U għala?” issemmajt lil missieri jistaqsih.
            Ommi ma riditnix nitlef skola u x-xiħ ma ridnix mas-saqajn. U fuq kollox jien ma stajtx nifhem x’ried minni dan l-imbierek ziju Egidio li d-drabi li kellimtu stajt tgħoddhom fuq id waħda u li d-drabi li tlajna hemm għall-btajjel tas-sajf rajnieh darba fil. Kellna biss weekend imma dawk it-tnejn u sebgħin siegħa kienu landmark fl-istorja ta’ Victor Gallo.
B’dispjaċir kelli nħalli n-National Panasonic warajja.
            “Jekk iġġibu, ma jinżilx lura Malta,” amarli l-pa. Ammen.
Fost ħafna tilwim u argumenti u ġiti fid-dwieli ma jispiċċaw qatt fl-għoljiet ta’ Greve (eh il-Chianti, aħjar nferra’ tazza ar’hemm, wara kollox barra dalam) il-bandiera s-safra għamlet l-intro tagħha f’ħajti.
       Sibtha fuq soddti u bqajt imsaħħar. Rettangolari u taċ-ċarruta u ċkejkna u marbuta ma’ pajp tal-conduit. Ma kellha xejn miktub fuqha.
Kont naf li ta’ xejn insaqsi lill-pa. Anke għaliex dakinhar – avolja l-Ħadd Imqaddes – kien mar Empoli, ma’ żewġ ħutu oħra, fuq xogħol. Qbadtha f’idi u tlaqt niġri nxejjirha qisni l-iblah. Wara kollox fuq il-bjut u fil-gallariji – għalkemm kienet diġà għaddiet fuq sena mir-rebħa tal-Mundjal – kienet għadha tperper it-Tricolor. Sakemm ħbatt fiz-zio Egidio, bħal dejjem bla tbissima, iżomm xi ħaġa f’idu: żewġ biljetti għal Fiorentina vs Juventus. Il-ġiżualla!
“Porta la bandiera gialla, dai!”
Naħseb qatt daqs dakinhar, ġewwa l-Fiat Cinquecento ħamra (iz-ziju kien komunist aħrax), qalbi ma ħabbtet daqshekk bil-qawwi daqslikieku kont ħa niġi wiċċ imb wiċċ ma’ xi ħaġa ta’ barra minn din id-dinja.
            Lo Bello referee. Ground mimli sa ruħ ommu. Incasso record. Il-mibgħuda Juventus. Trapattoni. Platini. Viżibilità baxxa għal ġuvnott bħali. Dagħa. Sfottò. Xita ta’ goals. Linesman jgħolli l-bandiera safra. Picchio De Sisti. Ground qisu arena. Ballun tiela’ u nieżel.
            Formazzjoni: Galli, Cuccureddu, Contratto, Passarella, Carobbi, Bertoni, Iachini, Oriali, Antognoni, Massaro, Monelli.
            Kelli nfittixha għax il-memorja żmagata u erba’ xeni biss baqgħu stampati f’moħħi: i) Galli ċċassat bejn il-lasti; ii) il-logħba kbira tal-Capitano; iii) iż-żewġ goals ta’ Bertoni; u iv) l-offiżi taz-ziju lejn il-familjari ta’ Contratto li bl-autogoal tiegħu tellifna rebħa.
            Minkejja t-3-3, minkejja li draw mal-Juve kien ifisser qisu telfa, mill-Artemio Franchi ħriġt inxejjer il-bandiera s-safra. Anke għaliex kont għadni fis-seba’ sema u iżjed minn hekk għaliex rajt liz-ziju wisq bil-buri.
            Imma minflok ġbidna lejn il-Fiat Cinquecento, ipparkjata kif ġie ġie, dħalna f’taverna mimlija rġiel iħambqu dwar il-wirja u r-riżultat u l-kurnut Lo Bello u i pezzi di merda degli Agnelli.
            U hemm ġew xufftejja, għall-ewwel darba, qalu hello lill-alkoħol. Sakemm wasalna lura Greve qisna żewġ baħrin. Snin wara kelli nifhem x’kien il-pjan djaboliku taz-ziju.  
             Minħabba l-bandiera gialla z-ziju Egidio u missieri baqgħu sa mewthom ma jarawx għajn m'għajn.


          

October 20, 2014

Goodbye, blue sky.



 
            Għall-attenzjoni tal-bniet kont (u domt) nagħmel kollox. Basta narahom jidħqu. Basta narahom jitbissmuli. Basta għajnejhom jgħiduli: bħalek m’hawnx. U ħabba fihom, u l-protagoniżmu tiegħi, dħalt (u daħħluni) f’ħafna basal. Meta fi żmieni d-dixxiplina ma kinitx tagħmel għajb lil tal-KGB ma ridtx wisq biex tispiċċa f’waħda. Iżda għalija kienet naturali li nispiċċa nitħabbeb mas-sovversjoni.
            Għaldaqstant jien u r-riga tal-injam – dik bil-ġnub imżerżqin jaħbu ħadida rqiqa fuq kull naħa – kellna tabilfors (irridu jew ma rridux) insiru ħbieb. Fuq bażi regolari, wkoll. Għaliex f’dan il-kuntest skolastiku tilgħab parti importantissima l-grazzja. Biha tirbaħ post il-ġenna għal disa’ xhur sħaħ. Mingħajrha ssib ruħek tisħet xortik. Għaliex anke jekk titlob interċessjoni divina ħadd m’għandu ħila jneħħik mill-black book tal-għalliema talli qgħadt iddejqilha l-bubun.
            L-ewwel ħames snin tal-primarja baħħru ħarir. Fis-sitt vjaġġ inkaljajt. Ma’ persuna li minn dak iż-żmien kellha, għalija biss, tibqa’ l-Għalliema Ta’ Mingħajr Isem. Mhux għax ma niftakrux – il-memorji skabrużi jibqgħu mnaqqxin f’moħħ persuna ad aeternum – imma għaliex fl-anonimat jagħmel inqas ħoss. Isir wieħed mill-ħafna. Minsi (mingħalija) mal-mogħdija taż-żminijiet.
Almenu kelli l-privileġġ, għal kontra t’oħrajn, li qatt ma nitlibbes  il-kartellun tal-għajb - “I AM A DONKEY”. Iżda għalkemm kliemha kellu l-valur t’għaxar kartelluni, mal-bniet tal-klassi kont ta’ spiss noħroġ ta’ raġel fuq l-irġiel.
“Gallo, issa ngħid lil missierek imbagħad tibqa’ tagħmilha ta’ pulċinell!” kienet ta’ sikwit tħanxar sabiex żgur jismagħha s-Surmast li kellu l-uffiċċju fil-qrib u li kien ħabib sew ta’ missieri.
L-Għalliema Ta’ Mingħajr Isem kellha diversi fissazzjonijiet strambi li baqgħu stampati f’moħħ tfajjel imqareb t’għaxar snin. Tnejn l-iżjed: id-demonizzazzjoni tal-Perit u l-wirja fil-miftuħ – ta’ kuljum fuq l-iskrivanija tagħha – ta’ diversi bottijiet mediċinali. Pharmacy of Your Choice qabel żmienha.
“Dawn għad-depression,” kienet tibda l-litanija billi ċċekċkilna bott oranġjo. “Dawn ħabba l-pressjoni.” Bott blu. U via dicendo.
Il-bużillis li minkejja dan ma kienx ikollok l-iċken idea meta idek ix-xellugija jmissha l-appuntament (misħut) mar-riga tal-injam. Daqqtejn livell 8 fuq l-iskala Richter talli qabditek timitaha minn wara daharha – kif il-balleċ kien jirnexxielha tara minn hemm ukoll?
U bla ma ridt spiċċajt erġajt ħarist lejn dik l-id, illum imġarrba mod ieħor, hekk kif isimha tfaċċa mill-ġdid wara snin twal midfun. Din id-darba abjad fuq iswed.
“Il-ġiżualla!”
Louisa Bray, skont ir-rapport tal-ġurnal, issa kienet tgħodd mal-ħamsa u tmenin u għadha tgħix għal rasha bħal dari. Darba kienet biħsiebha (dejjem skont min kien jafha sew) tingħalaq f’monasteru u tagħti kemm ruħha kif ukoll ġisimha lil Alla. Iżda mid-dehra Alla kellu ħsibijiet (u pjanijiet) oħra għaliha. In primis li tagħmel ħajti u ħajjet ruxxmata tfal oħra miżerja. In secondis li tagħmel ċert li ‘qas jekk il-professjoni t’għalliem tibqa’ l-aħħar waħda f’wiċċ id-dinja, inkun nippreferi l-qgħad.
Għalkemm għomorha u żmienha tgħix in-Naxxar, kienet titkellem dwaru b’disprezz daqslikieku naqasha bl-ikrah. Qatt ma niftakruha ssuq u wisq anqas titlob rikbiet mill-bqija tal-istaff. Kienet wisq kburija sabiex tagħmel mod ieħor.
Għalkemm ir-rapport ma kienx estensiv, daqskemm xtaqtu almenu, xorta waħda tgħarrafni biżżejjed. Bray – għax ridt jew ma ridtx ma stajtx naħarbu iżjed issa, isimha – kienet għamlet bħalma jagħmlu spiss dawk tamparha: qasmet bl-addoċċ fi triq traffikuża għal alla bħalma hi Vjal il-Labour. U issa kienet tinsab rikoverata Mater Dei bi ġrieħi gravi, għalkemm mhux fil-periklu li tmur għand dak Alla li – snin qabel – kienet  lesta toffrilu kemm ruħha kif ukoll ġisimha.
Minkejja l-memorji ħassejtni intrigat mill-affari. Skont il-Malta Independent il-fatt kien seħħ jumejn qabel – allura għala ġabuh biss issa? – kif ix-xwejħa kienet ġejja lura m’għand tal-laħam, li kien jinsab tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod minn darha. Bla ma ħsibtha darbtejn qbadt iċ-ċwievet tal-Consul u mill-uffiċċju rħejtilha lejn l-Imsida. Fir-reception inzertajt lil iben kollega tiegħi – Surġent tal-affari tagħha – li tani l-informazzjoni kollha mitluba dwar Louisa Bray.
Fl-ewwel sala fuq il-lemin fit-tieni sular sibt attività ġmielha. Magħha kien hemm tnejn oħra li daqsha kienu f’qagħda fiżika ottu. Ħaddiem tal-liftijiet li waqa’ għoli ta’ żewġ sulari u sar aċċjomu imbagħad warden li skiddja bil-mutur u spiċċa mkaħħal ma’ siġra fit-triq tal-Grawnd tal-Mosta. Ir-raba’ sodda kienet battala tistenna minn mument għall-ieħor disgrazzja oħra. Kien hemm fattigi jnaddfu l-kurituri, tobba jagħmlu check-up lil diversi pazjenti u infermiera jlibbsu, ibiddlu jew jitimgħu. Wieħed minnhom staqsieni x’kelli bżonn hekk kif rani nipprova nilmaħ għax-xwejħa. Stqarrejtlu min jien, tani ħarsa konfuża u ħallieni għal triqti. Mexxejt is-siġġu għal maġenb sodditha. Kienet rieqda iżda nagħasha kien ħafif għax pront fetħet għajnejha ħa tara x’ġara.
“Sinjura Bray?” staqsejtha, mhux għal kollox konvint li kont qed nagħmel xi ħaġa f’waqtha. Jew kienet is-sudizzjoni minnha wara dawn is-snin kollha?
Ix-xwejħa ħarrket daqsxejn rasha sakemm ġiet wiċċ imb wiċċ miegħi. Iż-żmien, almenu f’dak il-mument, ma dehrlix illi kien wisq ħanin magħha. Wiċċha mbenġel taha sura aktar ta’ ħasra, imma f’għajnejha stħajjilt xorta waħda dik ir-rieda tal-azzar ta’ dari, ta’ meta b’ħarsa kienet għoddha ġġagħalna nbulu taħtna.
Għal mument jew tnejn rajtha tipprova tiftakar tafnix. Talbitni tazza ilma u minnufih obdejtha – jien li għandi ħabta nagħmel ta’ rasi, sibt ruħi għadni nagħmel li tgħidli l-eks-għalliema tiegħi. Xorbitha b’lajma stratosferika.
“Hector, qalbi, ġejt sa fl-aħħar. Kemm ilni nistenniek!”
Għal mument jew tnejn kien imiss lili nibqa’ bla kliem. Fil-klassi – sakemm il-memorja ma battietx bl-ikrah – ma niftakar l-ebda Hector. Dik riedet tgħid Victor u tfixklet, żgur.
“Ms. Bray, Victor Gallo jien,” tennejtilha dubjuż. “Ma tiftakarnix?”
“Hector, tmajthom lil Napoleon u lil Marie-Antoinette?”
Xil-beati pawli qed tmaħmaħ? Il-pets tagħha? 
Biex ma niksrilhiex qalbha għedtilha sserraħ rasha li hekk kont għamilt. Għajnejha xegħlu. Qaħqħet tnejn bil-qawwi u wara ftit reġgħet għajtitli bl-isem ta’ qabel. Qtajtha li kien ta’ xejn li nipprova nikkonvinċiha mod ieħor. Ħallejtha tparla.
“Kif bqajt ma ġejtx iżjed lura mill-Irlanda?”
Xiex? L-Irlanda? Din kif taf li darba mort l-Irlanda – fuq kors tal-Garda – jien? Ħassejtni mitluf daqs l-iktar sewwieq gwapp. Tgħid inkompli mal-logħba tagħha?
“Ħallejtni waħdi int ukoll!”
Minn għajnejha skappat biss demgħa waħda.
Ma’ min qiegħda tfixkilni? Binha? Imma qatt ma semmitilna wlied (jew smajna li kellha wieħed). Xi namrat? Possibbli? Daqskemm kienet biżbetka!
“Wegħedni li ħa terġa’ tibda tiġi żżurni.”
Bħal tifel ħerqan, qabel jorqod, għar-rakkonti t’ommu, issa kont imsaħħar mill-istorja moħbija wara l-faċċata li dejjem rajna tal-eks-għalliema tiegħi.
“U żgur li ħa nibqa’ niġi. Dak għax inqbadt f’ħafna u ħafna xogħol u għax ...”
Iżda Louisa Bray kienet dawret wiċċha lejn il-warden sfrakassat. Għaliha l-istorja kienet sabet tmiemha hemm.
Għalija le. Tlaqt bilġri lura lejn il-parkeġġ ħalli nfittex nasal l-uffiċċju u nfittex dak kollu possibli dwar dan l-imbierek Hector. Għaliex ridt nitkixxef min kien. Għaliex ridt insibu, nagħmel kuntatt miegħu, intarraflu dwar Louisa u nċanfru tal-abbandun.
Iżda jien u ħiereġ naħbat mas-Surmast, għadu qisu farfett, jagħmel il-vjaġġ oppost. Huwa wkoll kien sar jaf b’aħbar is-Sinjura Bray. Malajr għamel wieħed u wieħed. Saqsieni kif sibtha. Tarraftlu kollox. Iżjed minn hekk saqsejtu dwar l-imbierek Hector u l-Irlanda.
“Qatt ma kont smajt jiġifieri?”
“Kieku qed insaqsik?”
Ħares lejn l-arloġġ u sab li kien għad fadallu biżżejjed ħin biex jagħmel dak li kellu f’moħħu. Offrejtlu kafè u aċċetta. Qalb geġwiġija – ta’ nies deħlin u ħerġin, jieklu u jixorbu, jitmasħnu u jitbaħaħnu – qalli l-istorja kollha ta’ Louisa Bray.
Louisa Bray, imwielda Said, kienet tgħix ma’ ħutha f’dar ommha fin-Naxxar u qatt ma wriet ħajra għaż-żwieġ sakemm bħall-Erbgħa fost il-ġimgħa – meta kienet skorriet it-tletin sew – tilfet għaqalha wara baħri Irlandiż li kien ilu pajjiżna ftit xhur biss. Saru jinħabbu sakemm intrabtu fis-sagrament taż-żwieġ fl-elf disa’ mija u sebgħin. Mid-dehra Hector Bray kien aktar iqatta’ żmien fuq il-baħar, jew lura pajjiżu, milli fuq l-art maġenb martu. Sakemm sentejn wara – ftit qabel inzertajt fil-klassi tagħha – Louisa Bray telgħet l-Irlanda fuq żjara għal għarrieda sabiex tagħtih sorpriża.
“Louisa ftit kienet siefret f’ħajjitha. Dejjem trekken u ġġemma’, nafha,” infurmani s-Surmast bi tbissima.
Iżda f’Cork, l-eks-għalliema tiegħi, skopriet li Hector Bray, qed iqarreb il-ħamsin, twieled iħobb ħafna aktar l-irġiel milli lin-nisa.
“Iżżewwiġha biex ma jiksrilhiex qalbha.”
Imbagħad urieni ritratt tal-imbierek Hector Bray – ma’ martu u mas-Surmast u s-Sinjura waqt xi ballu tal-Milied – li kien fuqu biex jgħaddihulha lura, għax hekk ħass li kien xieraq.
Bqajt niċċassa lejn ir-ritratt ta’ Hector u stajt nara għala lix-xwejħa fakkartha fih.
Tlaqt lejn Tas-Sliema nhewden dwar ir-rigi u l-kejl tagħhom.

October 9, 2014

Goody two-shoes






        Kull filgħodu, l-iktar jekk inkun għadni ma ġejtx f’tiegħi mill-hangover tal-beatipawli tal-lejl ta’ qabel inkella għaliex dik il-bagħla ta’ insomnja tkun reġgħet ġiet bla mistiedna, ma tantx inkun ta’ quddiem nies. Għalkemm hawn min isostni, minn wara dahri ovvjament, li s-sitwazzjoni ma titjiebx wisq mal-bqija tal-ġurnata. Għaldaqstant biex tkompli tgħaqqadli l-borma ma jkollix aptit xi ħadd itaqtaq b’leħen antipatku mas-seba' mattinati bħal tas-Sinjura Anna Vella Formosa – mara xejn simpatika imma b’ħiliet tremendi ta’ persważjoni u leħen niffiedi li kapaċi jtaqqab anke mudullun Mintoff. Aħseb u ara tiegħi.
          “Sur Gallo, hemm?”
          Tgħid ma mortx Chicago.
          Is-Sinjura Vella Formosa, illi flimkien ma’ żewġha Alex (uliedhom ilhom żmien li parpru – jew bewġu?) kienu jgħixu fi flat numru sitta – li inzerta jaħbat dak eżatt ta' taħti, allura ta’ spiss vittmi tal-istorbju tiegħi, kif ukoll jien tagħhom – baqgħet tħabbat b’insistenza. Kont konvint li  l-ebda spjega raġunata ma kienet ħa treġi magħha, tipo: “Sinjura, qiegħed tard ħafna għax-xogħol u taf int dan it-traffiku avolja s-Sibt ...” Għaldaqstant kien se jkolli noqgħod nismagħha bil-paċenzja kollha. Ma stajtx nagħmel tabirruħi li ma smajthiex  għax propju ftit qabel xraqt bil-qawwi f’boqqa kafe’ tismot.
        Riassunt, fil-qosor ħafna, tad-djalogu kważi one-sided: mit-Tnejn sal-Ġimgħa Alex Vella Formosa, foreman ma’ kumpanija kbira ta’ kostruzzjoni li bħalissa għaddejja bi proġett enormi fin-Nofsinhar tal-pajjiż, jbakkar minn sbieħ Alla għal-lant tax-xogħol u jirritorna lura fid-dlam. Għalkemm mhux ta’ karattru ġwejjed dara joqgħod għar-regoli iġeniċi ta’ martu, in primis li l-ebda forma ta’ żarbun ma jidħol mill-għatba 'l ġewwa. Kull għamla ta’ żarbun kien iġorr miegħu ħmieġ u mikrobi. U kif jgħidu “l-ħbieb sal-bieb” għaldaqstant kull par żarbun kellu jorqod fuq l-għatba (bi ksur sfaċċat tal-ftehim kondominjali, imma għal darba gdimt ilsieni). Il-bużillis tal-affari jinsab propju hawn: f’dawk l-aħħar ħamest ijiem Vella Formosa malli fetaħ il-bieb sabiex, reliġjożament, jilbes il-boots – iwassal sa nofs l-għaksa u mġiddem bit-tajn u l-ħamrija – kull darba ntebaħ li xi ħadd kien ħadhom.
          “Serquhom!” ikkoreġietni bir-ragħwa f’ħalqha s-Sa. “Ħames pari madonna santa. Fiex wasalna. Mela jista’ jkun noqgħod nixtrilu par ġdid kull darba? Xi jmiss issa? Ħa tagħmel xi ħaġa, Spettur?”
        U baqgħet wieqfa quddiemi: aringa ta’ mara li għoddha laħqet l-għoli tal-antiporta. Imbagħad fhimt għala s-Sur Vella Formosa kellu l-istess aġir tal-Gvern ta’ Vichy.
           Kont ħa nikkoreġieha li teknikament jien delitti nsolvi, mhux serq. Imma ftakart li fil-ħajja kondominjali aħjar għadu nqas milli żejjed. Quddiem il-fatti kkoraborati minn żewġha ma kienx fadalli triq oħra ħlief li nieħu r-riedni f’idejja. It-toroq kienu tnejn: (a) jew xi ħadd joqgħod f’wieħed mis-sitt appartamenti l-oħra (qed neskludi lili nnifsi a priori qabel xi ħadd jipponta subgħajh lejja); (b) inkella xi ħadd li jidħol fil-blokka b’mod regolari u jaf lil xi ħadd minnhom għaliex is-sigurtà, wara l-kwistjoni taż-żingari, kienet żdiedet sew fosthom bl-installazzjoni ta’ cctv. Għaldaqstant fuq skuża banali, qattajt il-bqija tas-Sibt filgħodu mqaddes, indur kull okkupant tal-appartamenti numri wieħed sa ħamsa kif ukoll is-sebgħa (apparti anke s-sitta imma għall-apparenza biss) sabiex ninfurmahom bil-laqgħa urġenti tal-Komun li kellha tinżamm f’tiegħi l-għada fil-ħdax. Kelli tnax –il siegħa biex nasal għall-ħati u bis-sewwa jew dnewwa kont ħa nasal għalih.
          Il-kumplament tal-għodwa u l-wara nofsinhar, għaliex imbagħad spiċċajt ħadtha frank mill-uffiċċju għal darba bl-iskuża li ma ħassejtnix wisq sew (kien hemm ħjiel verità fiha), abbużajt mill-ġurnata sabiħa li ħarġet u rħejtilha bil-pass lejn fejn jeħodni r-riħ. Fil-karozza u bit-traffiku l-ħsibijiet ma jiffurmawx kif tixtieqhom. Pjuttost iżommu ‘l bogħod. Bla ma tajt kas saqajja ġarrewni sal-Orpheum il-Gżira u lura. Matulha, fost ħafna tipjip għaliex insibu l-aqwa Watson, spiċċajt inħammem fuq l-osservazzjonijiet tiegħi tal-ġirien, abbażi mhux biss ta’ dik il-għodwa kif infurmajthom bl-aħbar tal-laqgħa u daħħluni ġewwa biex jgħidu kelma, iżda wkoll ta’ dnubiethom. Dan kollu filwaqt li mentalment bqajt nistudja l-profil ta’ kull membru tal-blokka, strettament f’ordni numerika.
Fl-ewwel wieħed (u l-uniku bil-kera): il-familja Stoilov li ġew ifittxu xortiehom hawn u bħal ħafna oħrajn ma sabuhiex: l-omm Anastasiya u ż-żewġ uliedha bniet minn missier Malti  li kien imsaħħar wara n-nisa tal-Lvant sakemm intebhu li kien ix-xitan inkarnat u ħarbu minn daru. Fin-numru tnejn: Antoine u Pierre, koppja ħelwa ta’ mezz’età, li sfruttaw minnufih iċ-ċans mogħti mill-Parlament Malti sabiex ikunu rikonoxxuti bil-fatti quddiem għajnejn il-liġi u l-Istat għalkemm xi kultant l-argumenti ta’ bejniethom kienu denji tal-aqwa films. Fit-tielet kienet tgħix għal rasha Karen Cremona – nutara eċċentrika, għalkemm min jien biex niġġudika meta skont ħafna meqjus l-alla tal-eċċentriċi? – li  ilha tgħix hawn qabli u li dwarha dejjem ġew mistqarra għidut strambi ta’ għejjun, irġiel misterjużi u l-bqija, iżda sakemm ma ddejjaq it-tamburlin ta’ ħadd (jew tixref dufrejha mal-liġi) tista’ taqleb id-dinja ta’ taħt fuq. F’ta’ faċċata tagħha kienu jgħixu l-koppja Ganado: il-Maġġur u martu, illum it-tnejn qabżu t-tmenin sew, u figuri leġġendarji ma’ Tas-Sliema kollha għalkemm il-Maġġur kellu ħabta jieħu lilu nnifsu wisq bis-serjetà. Jifdal appartament numru ħamsa abitat minn Ineż Farrugia, fiż-żmien ħajjata prima ta’ lbiesi għat-tiġien iżda llum litteralment priġuniera, f’darha, tas-siġġu tar-roti (tort taz-zokkor) ħlief għaż-żjarat ta’ bintha Irene li tiġi ssajrilha u tnaddfilha tista’ tgħid kuljum. Fl-aħħar appartament il-koppja Terribile li jekk tiġġudika mill-ħsejjes li jagħmel binhom u t-twerżiq tal-omm tintebaħ illi ma jagħmlux għajb lil kunjomhom.
L-għada, kif miftiehem, il-laqgħa pproċediet bil-kalma sakemm għal għarrieda wrejthom tliet provi: borża taż-żibel, xkupilja qisha qawsalla u bott spray vojt.
Fis-salott (li qatt qabel ma ra daqshekk nies f’daqqa) qamet ħamba. Spjegajt il-każ taż-żraben misruqa, fost ħafna ħars akkużatorju, u tarraftilhom il-linja tal-ħsieb tiegħi.
“Kont ilni ħamest ijiem ninnota li borża taż-żibel partikolari kienet qed tkun maqfula b’lazz oħxon. Għall-ewwel qajla tajt kas sakemm kellmitni s-Sinjura Vella Formosa. U xi ħadd biss minnkom dejjem jaqfilha dak il-mod. L-ixkupilja għandha – kif tistgħu tintebħu intom stess – riħa qawwija ta’ spray taż-żebgħa u din kienet f’wieħed mill-appartamenti meta ġejt inżurkom ilbieraħ. Ħadtha mingħajr il-kunsens ta’ sidha u l-fatt li sidha ma ġiex jistaqsini jekk rajthiex jew ħadthiex bi żball hija prova oħra. Il-bott spray kien wieħed mill-komponenti fil-borża taż-żibel tal-bieraħ. Iva, sinjuri, spiċċajt inqalleb fil-balleċ boroż sabiex dan is-serq bla sens jieqaf darba għal dejjem. Fl-istess appartament kien hemm riħa evidenti ta’ spray. Dan jgħidli li min qed jisraq iż-żraben qed jiżbogħhom sabiex ma jibqgħux jingħarfu. Sewwa qed ngħid Irene?”
B’sorpriża kbira għal kulħadd bint Ineż Farrugia nfexxet f’bikja twila u fost ħafna lfieq stqarret li ż-żraben tas-Sur Vella Formosa kienu qed jiġu mibdula fi qsari għaliex darba ltaqgħet mal-idea fuq l-Internet u hi kienet armla bla tfal u darba nnutat il-boots fuq l-għatba u ftakret fl-idea u għelbitha t-tentazzjoni.
Ma bdejtx nidgħi għax kien hemm biżżejjed kaos f’appartament suppost imdorri għall-kaos.