September 21, 2022

Wait for Me

 

 "The sky's not blue and the fields not green."

Jekk hemm xi ħaġa li tassew iġġagħlni nidgħi (nitlob maħfra lil min jiskrupla imma suppost tafu sa issa li qaddis żgur miniex), hija meta nagħti struzzjoni ċara u dak li jkun jinjoraha sfaċċatament.

“Ma nistax inċaqalqek issa, is-sistema ma tħallinix,” qalli l-aġent b’ton ta’ min konxju li għandu f’idejh poteri deċiżjonali ferm aktar minni.

Ovvjament kont ħa ngħidlu eżatt x’tippermetti s-sistema imma kien inġabru wisq nies warajja u kont għadni bla kafè.

11E. Ħaqqtakana.

Almenu ħdejja poġġiet tfajla ta’ ġmiel liema bħalu, taħlita ta’ ġilda kulur iż-żebbuġ u xeħta semiorjentali. Minnufih intilfet fil-mużika għaddejja f’widnejha.

Ħriġt il-ktieb sabiex forsi neħilsu sakemm naslu Munich. Il-ħajja ta’ Springsteen intrigatni daqs dik tal-ġara tiegħi għas-sagħtejn li jmiss. Tgħid hi wkoll kienet qed tisma’ lill-Boss? Xi kultant il-ħajja taf toffri kumbinazzjonijiet li qajla jitwemmnu.

Minn hemm ‘il quddiem il-ġrajja tieħu xejra stramba stil Lost in Translation.

Jien naqra. Hi tqalleb ‘il fuq u ‘l isfel, ‘l isfel u ‘l fuq, fl-istess chat ta’ Whatsapp. Imġiba kważi ossessiva. Il-lingwaġġ kien Tork. Ir-ritratt fuq il-faċċata tal-mobile kien evidenza li xi darba t-tfajla kienet kuntenta ma’ ġuvni. Sakemm f’daqqa waħda smajtha tolfoq.

Tħassartha, tbissimtilha u offrejtilha tissue.

“Guys can be bastards, I know.”

Tkellimt bl-arja ta’ min hu espert fil-materja u għaliex kienet ċara daqs il-kristall li t-tfajla kienet qalbha maqsuma. Ir-rimors fakkarni kemm jien stess ħallejt vittmi.

“If he broke your heart, he is just a piece of shit. Take my word.”

Ħarset lejja bid-dmugħ f’għajnejha u kważi kważi kienet hi li qed toffrili ħarsa ta’ kumpassjoni milli bil-maqlub.

“I am going back home to bury my husband. He died in a car accident two days ago whilst I was visiting family.”

U għal waħda mill-ftit drabi f’ħajti blajt ilsieni u xtaqt li għamilt fattija.

February 15, 2022

Out of Time


 

But are we out of time?

            Meta tidħol f’ħajtek – bħal kull persuna oħra li kapaċi taħbat magħha matul it-triq tal-ħajja – imqar għal jekk ftit żmien, imqar jekk bi żbrixx, tibqa’ preżenti bħal dudu jsus u jnawwar f’moħħok. Ma titlaq qatt. Kultant żmien tinħeba fil-penumbra, qisha qed tilgħab noli, sakemm terġa’ tgħolli rasha ħalli tfakkrek li hemm għadha. U jerġa’ jibda r-ritornell ta’ dejjem.

            Kemm fadalli żmien? Is-self li fadalli ħa nħallsu bl-imgħax jew le?

            Ara ġejja l-mewt għalik biex tixwik.

            Idejja rabbew il-kallu jgħaffġu fit-tajn tal-imwiet u l-vjolenza.

            Ara ġejja l-mewt għalik biex tixwik.

            Riġlejja kultant inħosshom jogħtru taħt kull aħbar ta’ mewt oħra.

            Ara ġejja l-mewt għalik biex tixwik. Tiftakruha?

           Żgħażagħ u tfal li mietu qabel żmienhom. Persuni li mietu barra minn żmienhom. Oħrajn li telqu wara żmienhom.

            Il-mewt turik ħafna wċuh u ġġib ruħha skont kif jiftlilha.

            U aħna, poveri Cristi, ikollna niżfnu magħha, irridu jew ma rridux.

          Il-mewt nistħajjilha qisha dik il-kunjata li ġibt tgħix miegħek imma spiċċajt tisħet is-siegħa u l-mument.

          Iż-żmien ma jistenna lil ħadd. U fl-età tiegħi, għaliex issa żgħir żgur m’għadnix, hemm ċertu wens fil-fatalità tal-ħsieb u fil-każwalità tal-ħajja. Pass ieħor eqreb.

          Ibni kiber u qed irabbi familja. In-neputija ġmielha titfarfar u ngawdieha kull ħin possibbli, biex inpatti għad-dnubiet tal-imgħoddi. Kollegi u ħbieb ġew u telqu.

            Il-ħajja bħal donnha ajruport.

           Chuck Palahniuk f’Fight Club jistqarr: I don’t wanna die without any scars.

            F’dak il-każ jien armat u lest. 

January 29, 2022

Centrefolds


 

And I have been waiting far too long.

            Ħames mitt ġurnata. Għoddhomli Google. Avolja qishom għaddew id-doppju, jekk mhux bilkemm it-triplu, ħabba l-madonna ta’ pandemija. Ħames mitt ġurnata mill-aħħar darba li dħalt fil-blogg u tellajt xi ħaġa.

            Minn dakinhar ir-rakkonti u l-istejjer ma naqsux. Il-ħin u l-ħeġġa sabiex mill-moħħ jgħaddu għal fuq il-laptop, dawk iva. Biex tagħqad is-sabar qatt ma kien il-forte tiegħi. Ittawwalx Gallo, qed nistħajjilkom tgergru. Iżda ma ridtx nagħmel bħall-bdabad (avolja hawn min jaħsibha mod ieħor) u nibda qisu xejn mhu xejn.

              Niġu għas-sod.

            Ġimgħa ilu – kont għadni nasal lura mill-ħarġa tal-Ħadd filgħodu sal-bar erba’ toroq bogħod fejn tmur bit-tir li tieħu żewġ grokkijiet iżda tispiċċa tixrob mill-anqas erba’ darbiet iżjed – insib persuna rieqda fuq l-għatba tal-blokka. Tfajla mgeżwra f’ġakketta daqs dinja. Kienet ġurnata bnazzi imma kiesħa. Ma skantajtx biha sa barra. Kont imdorri b’dat-tip ta’ xeni illi f’Tas-Sliema huma aktar komuni milli ħafna jaħsbu. Xorbot aktar milli messha u l-għatba tal-blokka kienet konfessjonarju effiċjenti għal dak li weħillek fuq l-istonku.

Malli daħħalt iċ-ċavetta fis-serratura u qbadt ħa naqbiżha biex nidħol – għaliex ma tanix il-qalb inqajjimha, inzertajt miniex daqshekk aħdar (għalkemm then again ċert li hawn min ma jaqbilx) – leħen  it-tfajla lissen minn warajja: “L-Ispettur Gallo?” Inħsadt. Ma stennejthiex imstenbha. Wisq anqas li tafni.

            Minflok il-mistoqsija loġika taċ-ċirkostanzi, sibt ruħi nsaqsieha kif il-Madonna kienet sabet tarf fejn l-imniegħel noqgħod.

           “Steph,” qaltli b’leħen miksur. M’għarafthiex. Imma l-ħarsa tagħha kienet qed tgħidli mod ieħor. Daħlet warajja bla stedina u bla oppożizzjoni. Ma ħassejt l-ebda sens ta’ periklu avolja setgħet kienet biss kollha mise-en-scène.

            “Belgħa kafè tinżillek għasel f’dil-kesħa, ma taħsibx?”

Neħħiet l-barnuża tal-ġakketta minn rasha.

“Victor kemm ili ma narak ...”

Taħt il-maskra ta’ tfajla simpatika u ħelwa b’qatgħa ta’ xagħar stramba għall-aħħar feġġet il-fraġilità emozzjonali tagħha kollha.

“Steph ...”

Kienu għaddew ħafna snin iżda dawk l-għajnejn żoroq stajt nagħrafhom kullimkien.

            Stephanie, bint David. L-eks-ġar tagħna.

            Imbagħad fhimt kollox. Karba għall-ajjut.

Stedintha minnufih titla’ miegħi fil-flat għalkemm ma kellix idea x’riedet mingħandi. Jew aħjar: forsi kont naf biżżejjed xi trid imma ma kellix il-bajd nammetti li kont lest għal dil-biċċa.

Newwiltilha l-kafè u f’temp ta’ siegħa tatni sommarju tal-assenza minn qabel u wara li ġara dak li ġara.

            Rewind.

David u familtu kienu joqogħdu bieb u għatba magħna meta konna tfal. Konna nattendu l-istess klassi, vann tal-iskola u anke għall-futbol. Kien wieħed mill-ftit li kellu l-ħila jmur tajjeb miegħi u jieħu paċenzja bija.

            Iż-żmien jispiċċa jifirdek, dejjem.

         Għamilt snin twal ma narah avolja b’xi mod kont nisma’ b’aħbaru u kont naf sew fhiex inhu mdaħħal. Kien ġej u sejjer Manchester fuq xogħol.

            Imbagħad darba waħda ġejna wiċċ imb wiċċ ix-xatt. Hu jippassiġġa ma’ bintu, diġà mfarfra dak iż-żmien, u jien inpejjep naħseb fuq xi każ li nġorr miegħi kullimkien.

Kienet il-mimmi t’għajnejh u kienet ċara daqs il-kristall. Iżda kien hemm ċerta toqol f’għajnejh li jien kont naf biżżejjed x’kapaċi tfisser.

        Sakemm darba waħda ommi ċemplitli għall-għarrieda, tard bil-lejl (u ommi qatt ma kienet iċċempel dawk il-ħinijiet), u qaltli x’kien ġara.

            Għaddew ħmistax-il sena minn dik l-aħbar.

          U Steph riedet it-tweġibiet mingħandi. Dawk it-twieġibiet li ħadd qabel ħassu komdu jtieha. Għax jien kont nafhom sew. Jien kont hemm. Bħal dejjem.

          Għaldaqstant qattajt il-bqija tal-waranofsinhar nispjegalha verament x’kien xogħol missierha u għala David iddeċieda li jagħlaq darba għal dejjem il-kapitlu ta’ ħajtu fil-garaxx tad-dar imsakkar fil-karozza mal-pajp tal-exhaust.