February 15, 2022

Out of Time


 

But are we out of time?

            Meta tidħol f’ħajtek – bħal kull persuna oħra li kapaċi taħbat magħha matul it-triq tal-ħajja – imqar għal jekk ftit żmien, imqar jekk bi żbrixx, tibqa’ preżenti bħal dudu jsus u jnawwar f’moħħok. Ma titlaq qatt. Kultant żmien tinħeba fil-penumbra, qisha qed tilgħab noli, sakemm terġa’ tgħolli rasha ħalli tfakkrek li hemm għadha. U jerġa’ jibda r-ritornell ta’ dejjem.

            Kemm fadalli żmien? Is-self li fadalli ħa nħallsu bl-imgħax jew le?

            Ara ġejja l-mewt għalik biex tixwik.

            Idejja rabbew il-kallu jgħaffġu fit-tajn tal-imwiet u l-vjolenza.

            Ara ġejja l-mewt għalik biex tixwik.

            Riġlejja kultant inħosshom jogħtru taħt kull aħbar ta’ mewt oħra.

            Ara ġejja l-mewt għalik biex tixwik. Tiftakruha?

           Żgħażagħ u tfal li mietu qabel żmienhom. Persuni li mietu barra minn żmienhom. Oħrajn li telqu wara żmienhom.

            Il-mewt turik ħafna wċuh u ġġib ruħha skont kif jiftlilha.

            U aħna, poveri Cristi, ikollna niżfnu magħha, irridu jew ma rridux.

          Il-mewt nistħajjilha qisha dik il-kunjata li ġibt tgħix miegħek imma spiċċajt tisħet is-siegħa u l-mument.

          Iż-żmien ma jistenna lil ħadd. U fl-età tiegħi, għaliex issa żgħir żgur m’għadnix, hemm ċertu wens fil-fatalità tal-ħsieb u fil-każwalità tal-ħajja. Pass ieħor eqreb.

          Ibni kiber u qed irabbi familja. In-neputija ġmielha titfarfar u ngawdieha kull ħin possibbli, biex inpatti għad-dnubiet tal-imgħoddi. Kollegi u ħbieb ġew u telqu.

            Il-ħajja bħal donnha ajruport.

           Chuck Palahniuk f’Fight Club jistqarr: I don’t wanna die without any scars.

            F’dak il-każ jien armat u lest. 

6 comments:

  1. Fih hafna x jigi mgharrex dan il blog. Kullhadd ghadda minn sitwazzjonijiet simili.

    U ahna meta d daqqa taghna?

    ReplyDelete
  2. This comment has been removed by the author.

    ReplyDelete
  3. Ħasditni xi ftit. Din ma stennejthiex minn Gallo.

    Imma riflessjoni profonda u matura li toqgħod ħafna għal Gallo li issa qed jikber u immatura.

    Tempora mutantur, nos et mutamur in illis.

    ReplyDelete
    Replies
    1. Inħobb naħsadhom lin-nies, jgħidu. Hekk hu, ninbidlu maż-żminijiet, sieħeb.

      Delete
  4. This comment has been removed by the author.

    ReplyDelete