November 17, 2015

Tusk




                Ċerti episodji are meant to happen. Bħal meta bil-karozza ma tgħaddix mit-triq tas-soltu u tispiċċa tindaħan jew tlaqqat multa għal alla u għall-erwieħ. Bħal meta d-darba li tilbes qmis ċara għid li twaqqa’ fuqek iz-zalza qisek paċoċċu u jkollok toqgħod bit-tbajja’ ġurnata sħiħa.
              Għalhekk meta ftit ilu, waqt li kont għaddej mill-Imsida u bl-iskuża li ħassejt griżmejja nexfin waqaft quddiem l-ewwel bar li nzertajt miftuħ – not my usual haunt imma intrigani xorta waħda għax fakkarni f’bar li kien iħobb ix-xiħ – u mbagħad ġara dak li ġara, ftakart mill-ġdid x’kienu jgħidu missirijietna: għall-magħmul m’hemmx kunsill. Għax għalkemm mas-snin għaddejt miljun darba minn quddiem il-Coach & Horses Pub, qatt qabel ma rfist mill-għatba ‘l ġewwa. Stħajjiltni f’wieħed minn dawk il-barijiet li faqqsu fit-Tmeninijiet ġewwa Buġibba u ma żammewx il-pass maż-żminijiet għax lill-Ingliżi hekk kienu jogħġbuhom.
              Qaħba mġiddma bagħla, dawk il-flixken stivati puliti jsejħuli wieħed wieħed b’ismi.
 Anyway: poġġejt mal-bar u tlabt whisky tripplu, dak tal-flixkun aħdar biex niftiehmu, lill-barman ġolf iżda mid-dehra minn tagħna ħafna, jekk mhux iżżejjed.
             “Silġ u ilma?”
             “Le, waħdu.”
          Il-parruċċani, dak il-ħin tas-sebgħa, stajt tgħoddhom fuq id waħda kollha mitlufa f’dinjiethom. Madwar dawk l-imwejjed tondi tal-injam stħajjilthom gżejjer maqtugħa fl-oċean tal-inkwiet individwali. Mal-bar ma kien hemm ħadd ħliefi. Alleluja. Wara ġurnata xogħol m’hemm xejn isbaħ minn grokk fis-santa fucking paċi. Fuq board iswed ċkejken imdendel f’tarf il-bar kien hemm imħabbar illi iktar tard kien ħa jkun hemm band lokali, bl-isem propizju ta’ Brodu, iddoqq live.
            Fuq it-televixin kienet għaddejja xandira live tal-wasla ta’ Matteo Renzi, dak li għall-Ingliż jinqala’ daqskemm jinqalgħu l-Maltin għall-football, għas-summit ta’ Stokkolma li matulu (bħal dejjem) jingħad ħafna u ma jsir qatt xejn.               
Mill-wifi tal-bar qbadt nara x’ikkummentawli taħt l-aħħar bloggata li tellajt. Smajt lill-barman jirraġuna ma’ xi ħadd fuq mejda żewġ passi ‘l bogħod iżda qajla tajt kas ta’ x’kien qed jingħad. Qtajtha konversazzjoni bejn tnejn li ilhom jafu lil xulxin.
          “Nitħassru Madonna,” qalli l-barman malli tibiegħed “sieħbu” għalkemm suppost il-qagħda tiegħi kienet ċara biżżejjed: mgħandix aptit paroli, sieħbi.
             “Min hu?” saqsejtu kurjuż xorta waħda kif flejt dahar il-figura tixxengel, qisha pendlu t’arloġġ tal-lira, fi triqitha lejn il-loki. Kienu l-passi (ċari daqs il-kristall) ta’ persuna vittma tal-vizzju tax-xorb minn x’ħin jisbaħ sa ma jidlam. Kont nafha sew dik it-tip ta’ mixja. Trabbejt magħha, tista’ tgħid.
             “Duminku s-Surġent,” qalli b’nofs tbissima.
         Duminku? Kollega? Nistqarr li qas kelli ħjiel min kien u wisq anqas smajt b’aħbaru. Staqsejt lill-barman kienx fil-Korp.
          “Insomma kien xi darba sa ma kellu jirriżenja għall-għarrieda,” żied jgħidli sabiex ikun preċiż. “Almenu hekk nismagħhom jgħidu.”
Minn ilbiesu u mill-qagħda aktar kellu xeħta ta’ vagabond milli wieħed illi fl-imgħoddi kien involut fiż-żamma tal-ordni. Iżda fil-ftit mumenti t’osservazzjoni tiegħi, bil-ħarba qabel għeb ġewwa l-loki, diversi ħjiel oħra bdew jikkonfermawli li l-barman ma kienx giddieb.
          Għajnejja kixfuni mal-barman li ridt nixrob mhux biss grokk tripplu ieħor iżda wkoll aktar informazzjoni dwar dak il-persunaġġ partikolari.
           “Dejjem jiġri u jagħqad mat-toroq tal-Imsida, jgħidu, u anke Birkirkara rawh insomma. Ġieli qbadtu rieqed fil-karozza żmagata ‘l għandu, Beetle safra tagħmel xeba’ ħsejjes u duħħan.”
            “Taf fejn kien stazzjonat?” saqsejtu, f’salt wieħed maħkum minn kurżitá kbira.
            “Mela ħsibtni d-DOI?” kompla l-ġolf bid-daħqa.
            Kxift il-karti u għedtlu min jien. Baqa’ jitbissem daqslikieku ma sema’ xejn ġdid.
         “Dejjem bla sold fuqu u jitkarrab għad-drinks iżda dejjem isib min iħallaslu xi wieħed jew tnejn. Xortieh tajba. Għax x’nagħmel?  Inkeċċih ‘il barra? Taparsi niktibhomlu fuq il-ktieb u nibqa’ ma narax 1c kemm indum ħaj?”
          Waqa’ silenzju skomdu bejnietna sakemm tfaċċa’ mill-ġdid Duminku jaqfel iż-żipp tal-jeans wiesa’ jidħlu fih żewġt irġiel: bniedem traskurat b’leħja ilha ma tara xafra naqra mhux ħażin, liebes qmis tal-flannella bil-kaxxi ħomor u griżi moda fis-seklu l-ieħor, subgħajn safranija nkallati minn ħafna tipjip ta’ sigarri,  ħarsa malinkonika iżda tbissima permanenti ta’ min ħabbat wiċċu ma’ ħafna mewġ u tgħallem jaqdef kontro-kurrent.
           “X’ħa tieħu Duminku?” offrejtlu jien u nistiednu jpoġġi ħdejja.
           Ma qalx le għall-ebda waħda, anzi għajnejh leħħew mal-istedina għad-drink. Għall-isbaħ siegħa u nofs li kien imiss – sadanittant laħqu bdew jaslu l-membri tal-Brodu jarmaw għas-sessjoni, jikkurdaw l-istrumenti, jintonaw il-kanzunetti tas-set – Duminku ma tħarrikx minn ħdejja jibdel miegħi rakkonti minn ħajtu kkulurita. Sakemm ħbattna mas-sikka li mmarkat ix-xiżma f’ħajtu. Dik li biddlitu fi bniedem ieħor.
        Dominic Buttiġieġ, Karkariż ta’ 39 sena, kien Surġent b’ambizzjonijiet li javvanza fil-karriera u bil-ħolma li xi darba jispiċċa fit-Taqsima ta’ Kontra d-Droga, hu li tilef lil ħuh b’overdose snin qabel meta kien għadu adoloxxenti, fejn ħass li seta’ jkun tassew effettiv fil-ġlieda.
            “Imbagħad sentejn ilu daħlet Pamela fix-xena u kollox tar mar-riħ.”
          Pamela kienet mara single minn Fleur-de-Lys, iżgħar minnu, li ltaqa’ magħha online fuq Facebook waqt li Duminku kien miżżewweġ ma’ Tuneżina minn Sousse b’tifel ta’ sitt snin. Bagħtitlu friend request u żiedha bla ma jafha minn Adam. Darba jirċievi mingħandha: Hello! Kif int? Kelma ġġib l-oħra, bħalma jiġri ta’ spiss f’ċirkostanzi bħal dawn, u f’kemm ilni ngħidlek spiċċaw jiċ-chat-jaw kull ħin u kull mument. Tilef għaqlu warajha. Litteralment. Il-mobile kien jieħdu miegħu kullimien, anke kif jidħol jieħu shower. Għax ovvjament ma kienx daqshekk iblah li jħallih fejn ġie ġie. Wara kollox Fatima kienet qisha seqer u xejn ma kien jaħarbilha.
           F’temp ta’ xahar, irrakkuntali bl-akbar onestá ta’ min mit-tiġrib ħasad faċċata ġdida, ħajtu bdiet iddur biss madwar Pamela. Ittraskura lil martu, it-tifel u l-familtu. Ix-xogħol biss żammu milli jegħreq għal kollox. Xtaq li jiltaqgħu u jagħmlu dak li kien ilu ma jagħmel ma’ martu. Iżda kienet ittennielu li kien għadu kmieni wisq. Kollox f’ħinu u f’waqtu, kienet tgħidlu. Biddlu bejniethom in-numri tal-mobile u kemm –il darba bagħtu messaġġi lil xulxin bla fruntieri ta’ ħinijiet u postijiet. Sa wasal jagħtieha l-indirizz tiegħu u talabha tagħha u mhux darba jew tnejn waqt li suppost xogħol għadda minn fejn kienet toqgħod forsi ma jafx kif jilmaħha.
Sakemm darba waħda, wara konversazzjoni sħuna iżjed mill-pastizzi tas-Serkin, talbitu prova li kien tassew iridha:
            “Ibgħatli ritratt tiegħek għarwien ħuta għax qanqaltni u għadek qas taf kemm nixtieq li qiegħda ħdejk, imbagħad nibgħatlek tiegħi ħalli żżommu u tiftakar fija ...”
           Bingo. Duminku bla ma ħasibha darbtejn (u qas tlieta minn kliemu) għamel kif qaltlu. U x-xilep ġewwa. Ma jgħaddux ħames minuti fejn jirċievi telefonata minn numru mhux reġistrat fejn leħen maskili ordnalu jħallsu elfejn ewro jekk ma riedx li r-ritratt jintbagħat lil martu (bil-konversazzjoni b’kollox) kif ukoll imperreċ fuq kull sit soċjali li ħalaq Alla.
             Minn dakinhar ħajtu spiċċat. Malli ħallas l-elfejn mhux talli ma għaddewlux ir-ritratt iżda talli talbuh elfejn ewro oħra. Baqgħu jixorbulu demmu sakemm demm iżjed ma kellux: martu saret taf xorta waħda u qabdet lil binha u telqet bih lura Sousse; id-dar ħadielhom il-bank għax ma setax ilaħħaq mal-loans, fuq ix-xogħol sar erratiku immensament u tilef kull interess fil-karriera u fl-ambizzjoni għalhekk tefa’ r-riżenja.
              “U la kont fuq in-naħa tal-liġi għalfejn bqajt daqshekk passiv?” saqsejtu jien.
            “Ħassejtni hopeless case, ma tafx kif jiġrilek kultant,” offrieli hu b’leħen miksur kif xorob l-aħħar grokk whisky.
            Għalkemm ir-rakkont ma qalli xejn ġdid li widnejja mhux diġa’ semgħu qabel, ħassejt demmi jsir ilma. Kif kien wasal il-ħin biex jerħilha lura lejn il-Beetle offrejtlu biss bi tbissima:
             “Ma taħsibx li wasal iż-żmien li nreddgħuhulhom kif inhu sewwa u xieraq?”