“If I had my way I’d just walk out those doors.”
Kif jgħidu: imbierkamadonna nsibhom bil-qanpiena jien. Imma
ejja ma nibdihiex minn sormha l-istorja.
Wara ma nafx kemm-il darba karbitli biex immur magħha u ma nġibx ix-xogħol
l-ewwel, fl-aħħar irnexxieli nieħu ġimgħa leave u mmorru btala kif tmiss
il-liġi. Bdejna bi żjara qasira ta’ jumejn għand in-nanniet ta’ Yannick (bħalma
kienet tagħmel kull ftit xhur) fejn ma setax jonqos li jsaqsuha min hu dar-raġel
stramb ta’ nofs il-kliem u li jimlewh b’rigali li t-tifel kien jogħxa bihom
għal jiem sħaħ. Imbagħad qbadna t-triq lejn Pariġi fejn kellna nqattgħu l-bqija
tal-vaganza u fejn kien beħsiebna nżuru l-attrazzjonijiet ewlenin. Għalkemm
biex inkun onest lil Charmaine qatt ma għedtilha li dawn iż-żbub ta’ knejjes u
mużewijiet xi kultant iqabbduni attakk nervuż tal-prima klassi għax ir-rassa
naħrabha aktar mill-bard ta’ Jannar. Imma għal fucking kunsill m’hemmx magħmul u għall-imħabba tispiċċa tagħmel
kollox, le?
Għalhekk spiċċajt: a) kważi ġurnata sħiħa ndur u nagħqad mal-Louvre (fejn
ħabba l-lublieba kontinwa għal sigarett għoddha tatni rasi) u naraw lil
Marjanna u lil Mona Liża (bilħaqq, kemm iż-żobb hi ċkejkna?), Charmaine tispjega
kull dettall qisha xi esperta u t-tifel mehdi jilgħab bit-tablet jfittex kull
tentufa li tgħaddilu ommu; b) inkella tiela’ ‘l fuq minn 300 tarġa sal-quċċata
tal-koppla tas-Sacré-Coeur, ġo garigor dejjaq fejn ma kull erbgħa tarġiet kelli
nieqaf għan-nifs waqt li hi tidħaq bija u bi xjuħiti; ċ) induru b’dgħajsa kbira
matul ix-xmara Seine fejn sibt ruħi maġenb Amerikana fidila xxejjer lil kull
min bdiet tara tant li sturdietni u kelli aptit inwaddabha għal isfel.
Imma l-kbir kien għadu ġej.
Lejla minnhom, wara li tlajna fuq it-Torri Eiffel mixgħul bil-kuluri ta’
Franza, konna sejrin lura l-lukanda bil-metro. Ma kienx hemm post bilqiegħda
ħlief għat-tifel. Wasalna fil-waqfa République. Jitilgħu koppja mezz’età,
żdingati/riħa ta’ sigaretti/bla dubju fis-sakra. Il-mara baqgħet mal-bieb tredden
waħedha. Hu mar dritt fuq Charmaine u ntefa wiċċ imb wiċċ magħha u jgħidilha
affarijiet li jien ovvjament ma bdejtx nifhem. Iżda minn wiċċha dehret skomda. Ħafna skomda. Mort fuqu u għedtlu waħda
mill-ftit frażijiet li kont naf bil-Franċiż: Qu’est-ce que tu veux? Vilment allega li ommi qaħba u ma bqajtx
nara.
Siegħa wara konna kollha kemm aħna fl-eqreb stazzjon tal-Gendermarie fejn
ta’ xejn kont qed nipprova nispjegalhom li jien kollega tagħhom fiż-żamma
tal-ordni. Għajjat, storbju, biki, dagħa (naħlef li mhux jien!). Malta 1 Franza
1. Għalkemm f’ħinijiet kien hemm riskju li jinqala’ inċident diplomatiku bejn
iż-żewġ pajjiżi u l-mawra tiegħi ssib ruħha imperċa fuq kull ġurnal, malli saru
jafu li kunjomi Gallo (huma bdew jgħiduh bħala Gallò) l-affarijiet inbidlu
għall-aħjar u ħlistha bi twissija biss. Sadanittant is-sakranazz kienu għadu
qed jilmenta minn ġoċ-ċella bid-daqqa ġol-bajd li xarrabtlu b’irkobbti waqt l-argument.
Minn dakinhar it-tifel laqqamni Rambò (bl-aċċent ukoll, ja kelb).