January 29, 2022

Centrefolds


 

And I have been waiting far too long.

            Ħames mitt ġurnata. Għoddhomli Google. Avolja qishom għaddew id-doppju, jekk mhux bilkemm it-triplu, ħabba l-madonna ta’ pandemija. Ħames mitt ġurnata mill-aħħar darba li dħalt fil-blogg u tellajt xi ħaġa.

            Minn dakinhar ir-rakkonti u l-istejjer ma naqsux. Il-ħin u l-ħeġġa sabiex mill-moħħ jgħaddu għal fuq il-laptop, dawk iva. Biex tagħqad is-sabar qatt ma kien il-forte tiegħi. Ittawwalx Gallo, qed nistħajjilkom tgergru. Iżda ma ridtx nagħmel bħall-bdabad (avolja hawn min jaħsibha mod ieħor) u nibda qisu xejn mhu xejn.

              Niġu għas-sod.

            Ġimgħa ilu – kont għadni nasal lura mill-ħarġa tal-Ħadd filgħodu sal-bar erba’ toroq bogħod fejn tmur bit-tir li tieħu żewġ grokkijiet iżda tispiċċa tixrob mill-anqas erba’ darbiet iżjed – insib persuna rieqda fuq l-għatba tal-blokka. Tfajla mgeżwra f’ġakketta daqs dinja. Kienet ġurnata bnazzi imma kiesħa. Ma skantajtx biha sa barra. Kont imdorri b’dat-tip ta’ xeni illi f’Tas-Sliema huma aktar komuni milli ħafna jaħsbu. Xorbot aktar milli messha u l-għatba tal-blokka kienet konfessjonarju effiċjenti għal dak li weħillek fuq l-istonku.

Malli daħħalt iċ-ċavetta fis-serratura u qbadt ħa naqbiżha biex nidħol – għaliex ma tanix il-qalb inqajjimha, inzertajt miniex daqshekk aħdar (għalkemm then again ċert li hawn min ma jaqbilx) – leħen  it-tfajla lissen minn warajja: “L-Ispettur Gallo?” Inħsadt. Ma stennejthiex imstenbha. Wisq anqas li tafni.

            Minflok il-mistoqsija loġika taċ-ċirkostanzi, sibt ruħi nsaqsieha kif il-Madonna kienet sabet tarf fejn l-imniegħel noqgħod.

           “Steph,” qaltli b’leħen miksur. M’għarafthiex. Imma l-ħarsa tagħha kienet qed tgħidli mod ieħor. Daħlet warajja bla stedina u bla oppożizzjoni. Ma ħassejt l-ebda sens ta’ periklu avolja setgħet kienet biss kollha mise-en-scène.

            “Belgħa kafè tinżillek għasel f’dil-kesħa, ma taħsibx?”

Neħħiet l-barnuża tal-ġakketta minn rasha.

“Victor kemm ili ma narak ...”

Taħt il-maskra ta’ tfajla simpatika u ħelwa b’qatgħa ta’ xagħar stramba għall-aħħar feġġet il-fraġilità emozzjonali tagħha kollha.

“Steph ...”

Kienu għaddew ħafna snin iżda dawk l-għajnejn żoroq stajt nagħrafhom kullimkien.

            Stephanie, bint David. L-eks-ġar tagħna.

            Imbagħad fhimt kollox. Karba għall-ajjut.

Stedintha minnufih titla’ miegħi fil-flat għalkemm ma kellix idea x’riedet mingħandi. Jew aħjar: forsi kont naf biżżejjed xi trid imma ma kellix il-bajd nammetti li kont lest għal dil-biċċa.

Newwiltilha l-kafè u f’temp ta’ siegħa tatni sommarju tal-assenza minn qabel u wara li ġara dak li ġara.

            Rewind.

David u familtu kienu joqogħdu bieb u għatba magħna meta konna tfal. Konna nattendu l-istess klassi, vann tal-iskola u anke għall-futbol. Kien wieħed mill-ftit li kellu l-ħila jmur tajjeb miegħi u jieħu paċenzja bija.

            Iż-żmien jispiċċa jifirdek, dejjem.

         Għamilt snin twal ma narah avolja b’xi mod kont nisma’ b’aħbaru u kont naf sew fhiex inhu mdaħħal. Kien ġej u sejjer Manchester fuq xogħol.

            Imbagħad darba waħda ġejna wiċċ imb wiċċ ix-xatt. Hu jippassiġġa ma’ bintu, diġà mfarfra dak iż-żmien, u jien inpejjep naħseb fuq xi każ li nġorr miegħi kullimkien.

Kienet il-mimmi t’għajnejh u kienet ċara daqs il-kristall. Iżda kien hemm ċerta toqol f’għajnejh li jien kont naf biżżejjed x’kapaċi tfisser.

        Sakemm darba waħda ommi ċemplitli għall-għarrieda, tard bil-lejl (u ommi qatt ma kienet iċċempel dawk il-ħinijiet), u qaltli x’kien ġara.

            Għaddew ħmistax-il sena minn dik l-aħbar.

          U Steph riedet it-tweġibiet mingħandi. Dawk it-twieġibiet li ħadd qabel ħassu komdu jtieha. Għax jien kont nafhom sew. Jien kont hemm. Bħal dejjem.

          Għaldaqstant qattajt il-bqija tal-waranofsinhar nispjegalha verament x’kien xogħol missierha u għala David iddeċieda li jagħlaq darba għal dejjem il-kapitlu ta’ ħajtu fil-garaxx tad-dar imsakkar fil-karozza mal-pajp tal-exhaust.