August 8, 2018

A Free Man in Paris


“If I had my way I’d just walk out those doors.”


          Kif jgħidu: imbierkamadonna nsibhom bil-qanpiena jien. Imma ejja ma nibdihiex minn sormha l-istorja.

Wara ma nafx kemm-il darba karbitli biex immur magħha u ma nġibx ix-xogħol l-ewwel, fl-aħħar irnexxieli nieħu ġimgħa leave u mmorru btala kif tmiss il-liġi. Bdejna bi żjara qasira ta’ jumejn għand in-nanniet ta’ Yannick (bħalma kienet tagħmel kull ftit xhur) fejn ma setax jonqos li jsaqsuha min hu dar-raġel stramb ta’ nofs il-kliem u li jimlewh b’rigali li t-tifel kien jogħxa bihom għal jiem sħaħ. Imbagħad qbadna t-triq lejn Pariġi fejn kellna nqattgħu l-bqija tal-vaganza u fejn kien beħsiebna nżuru l-attrazzjonijiet ewlenin. Għalkemm biex inkun onest lil Charmaine qatt ma għedtilha li dawn iż-żbub ta’ knejjes u mużewijiet xi kultant iqabbduni attakk nervuż tal-prima klassi għax ir-rassa naħrabha aktar mill-bard ta’ Jannar. Imma għal fucking kunsill m’hemmx magħmul u għall-imħabba tispiċċa tagħmel kollox, le?

Għalhekk spiċċajt: a) kważi ġurnata sħiħa ndur u nagħqad mal-Louvre (fejn ħabba l-lublieba kontinwa għal sigarett għoddha tatni rasi) u naraw lil Marjanna u lil Mona Liża (bilħaqq, kemm iż-żobb hi ċkejkna?), Charmaine tispjega kull dettall qisha xi esperta u t-tifel mehdi jilgħab bit-tablet jfittex kull tentufa li tgħaddilu ommu; b) inkella tiela’ ‘l fuq minn 300 tarġa sal-quċċata tal-koppla tas-Sacré-Coeur, ġo garigor dejjaq fejn ma kull erbgħa tarġiet kelli nieqaf għan-nifs waqt li hi tidħaq bija u bi xjuħiti; ċ) induru b’dgħajsa kbira matul ix-xmara Seine fejn sibt ruħi maġenb Amerikana fidila xxejjer lil kull min bdiet tara tant li sturdietni u kelli aptit inwaddabha għal isfel.

Imma l-kbir kien għadu ġej.

Lejla minnhom, wara li tlajna fuq it-Torri Eiffel mixgħul bil-kuluri ta’ Franza, konna sejrin lura l-lukanda bil-metro. Ma kienx hemm post bilqiegħda ħlief għat-tifel. Wasalna fil-waqfa République. Jitilgħu koppja mezz’età, żdingati/riħa ta’ sigaretti/bla dubju fis-sakra. Il-mara baqgħet mal-bieb tredden waħedha. Hu mar dritt fuq Charmaine u ntefa wiċċ imb wiċċ magħha u jgħidilha affarijiet li jien ovvjament ma bdejtx nifhem. Iżda minn wiċċha dehret skomda. Ħafna skomda. Mort fuqu u għedtlu waħda mill-ftit frażijiet li kont naf bil-Franċiż: Qu’est-ce que tu veux? Vilment allega li ommi qaħba u ma bqajtx nara.


Siegħa wara konna kollha kemm aħna fl-eqreb stazzjon tal-Gendermarie fejn ta’ xejn kont qed nipprova nispjegalhom li jien kollega tagħhom fiż-żamma tal-ordni. Għajjat, storbju, biki, dagħa (naħlef li mhux jien!). Malta 1 Franza 1. Għalkemm f’ħinijiet kien hemm riskju li jinqala’ inċident diplomatiku bejn iż-żewġ pajjiżi u l-mawra tiegħi ssib ruħha imperċa fuq kull ġurnal, malli saru jafu li kunjomi Gallo (huma bdew jgħiduh bħala Gallò) l-affarijiet inbidlu għall-aħjar u ħlistha bi twissija biss. Sadanittant is-sakranazz kienu għadu qed jilmenta minn ġoċ-ċella bid-daqqa ġol-bajd li xarrabtlu b’irkobbti waqt l-argument.

Minn dakinhar it-tifel laqqamni Rambò (bl-aċċent ukoll, ja kelb).