October 18, 2015

Private Eyes


Kif jgħidu: meta tiġi iftħilha. Għax ġeneralment tidħol qisha debba u għandha ħabta titlaq b’pass ta’ nemla, ħaqq ta’ Kana. Is-soltu l-influwenza tgħaddi darba f’mitt qamar qisha biex tkun għamlet present biss u ma tkagħbarnix bosta. Iżda mhux din id-darba.
Riedet tpattihieli bi kbir.
Il-ġimgħa l-oħra, wara ġurnata xogħol tal-beatipawli, bdejt inħoss griżmejja jtektku fil-bogħod. Xejn ta’ barra minn hawn għal min bħali jpejjep ħafna u maħkum mill-vizzju li jixrob il-kiesaħ anke fl-eqqel tax-xitwa. Għalhekk ferrajt tliet grokkijiet whisky ma’ mug misħun, mgħarfa ġulepp tal-ħarrub u nofs lumija. Sakemm weġibt in-nofs tużżana emails tas-soltu niżżiltu ma’ tnejn neurofen.
Biex ma ntawwalx: l-għada filgħodu, maż-żerniq, qomt mitħun. Daqslikieku romblu tat-tarmak fettillu jgħaddi minn fuqi u baqa’ wieqaf ipparkjat fuq l-istonku tiegħi. Griżmejja kienu ħuġġieġa u belgħa ilma niżlet passjoni. U għax il-borma fuq tlieta toqgħod, ħaffirt trinka ġej u sejjer il-loki b’uġigħ ta’ żaqq minn dawk il-kbar.
Hawn irridek, qalli. Iż-żobb ħej x’għaxqa.
F’dik il-kundizzjoni ma kienx lok li mmur għax-xogħol, wisq anqas li nirriskja ninqabad fit-traffiku – the order of the day f’dan il-pajjiż misħut – għax żgur il-Madonna li kien itini estru mill-kbar nett. Intfajt fis-sodda sagħtejn oħra u malli saru s-sebgħa ċempilt lil Casaletto nagħtih il-bxara t-tajba (għalih).
“Meta dieħel?” saqsieni.
“Skont il-kundanna tat-tabib,” serraħtlu rasu. Ma kellux għalfejn ikun jaf li t-tobba u jien ma konniex ħbieb. Is-sigaretti u l-alkoħol bastano e avanzano bħala drogi. 
Madwari l-ħajja ta’ kuljum baqgħet għaddejja a la l-bubun li Victor Gallo kien qed iħoss il-pieni tal-infern u jinsab f’xifer breakdown tal-Madonna. Ilbist track suit ħafifa u ntfajt nissendika lill-ġirien bit-tama (qawwija) li nsib xi ħaġa t’interess. Stħajjiltni l-James Stewart tal-okkażjoni. 

-          Deirdre, ta’ faċċata, kienet qisha xebgħet minn ħajjitha hija u tixxabbat mat-tieqa sabiex iġġibha tleqq avolja dakinhar kienet imbassra x-xita.
-          Felix tal-istationery, żewġ bibien ‘il fuq mill-blokka tiegħi, kien fuq l-għatba jgħid iċ-ċajt doppju sens lil żewġt ixjuħ żmagati daqsu jidħqu qishom fucking fidili.  
-          Maggie (jew Thatcher għal dawk li bħali ma tantx inniżżluha, għax qisha ras il-ġarretta) kienet ġejja tkaxkar il-bixkilla warajha mingħand l-Old Trafford u tgerger waħedha. Probabbilment kontra Ġowżef Muscat u l-Lejber.
-          Sandi, l-Ungeriża tat-tieni sular fil-blokka opposta għal tagħna, kellha l-purtieri miftuħa beraħ u mitlufa fl-eżerċizzji tal-aerobics tagħti wirja spettakolari ta’ sormha jiċċaqlaq b’ritmu stil duwa tal-Madalena.

Sakemm f’salt wieħed ħarsti waqgħet fuq żewġt irġiel iħufu fuq wieħed mill-bjut tal-akkwati. Ma ridtx tkun Poirot biex tintebaħ li kienu qed jaġixxu b’mod suspettuż u xejn naturali. Ħaddiema żguralla ma kinux għalkemm min forsi ma tantx jagħti kas seta’ jaħsibhom hekk minħabba l-haversacks wara daharhom. Imnejn kienu ma setgħux jintebħu bija imma jien kelli vantage point fuqhom għax stajt nosservahom bla ebda diffikultá. Kienu qed jitkellmu b’mod aġitat, almenu hekk dehrli, ma’ xi terza persuna fuq il-mobile waqt li jittawlu għal ġot-triq li b’xorti ħażina mill-gallarija tiegħi ma kinitx tidher.
Dal-aħħar sena u nofs Tas-Sliema kienet vittma ta’ mewġa impressjonanti ta’ żgassi minn kriminali organizzati, bħall-gang tal-Ġeorġjani u l-bqija, fejn kienu qed jagħmlu ħerba u jisirqu kull ma jgħodd għal idejhom. Kienu esperti u jafu x’għandhom jagħmlu. Lil ommi kont xbajt intambrilha ma tafda lil ħadd li ma tafx.
Mara rqajqa, qisha maħkuma mis-seba’ snin tal-għaks, fetħet il-bieb tal-bejt u għamlitilhom sinjal sabiex isegwuha. Telqu jiġru għal warajha bħal għefieret. Is-sitwazzjoni kienet ċara. Ma kienx hemm fejn tintilef u kien hemm wisq anqas ħin x’taħli. Minkejja d-deni u l-uġigħ qbadt l-arma, deffistha fiċ-ċinta tal-qalziet u tlaqt niġri b’saqajja ma’ dahri lejn il-binja in kwistjoni. Infurmajt lid-Depot b’li kien għaddej u dawn min-naħa tagħhom għaddew l-info lill-RIU li nzerta kellhom karozza għaddejja b’ronda fiż-żona.
Il-bieb ta’ barra kien magħluq għalhekk bdejt indoqq il-qniepen tal-appartamenti kollha daqslikieku kienu kordi ta’ pjanu sakemm jiftaħli xi appostlu mbierek.
“What’s going on?” staqsieni xi ħadd jittawwal minn ġo tieqa.
“Open the fucking door, Madam. Police!” ħanxart jien.
Fetħitli bil-ġiri. Il-lift kien fuq nett f’għoxx oħtu. Għalhekk bdejt tiela’ t-taraġ tlieta tlieta. L-istorbju, l-għajjat u l-kommozzjoni kienu ċari. Xi ħaġa gravi kienet għaddejja fil-ħames sular. L-ilħna kienu taħlita ta’ Malti, Ingliż u Slav.
Sadanittant il-ħoss tas-sireni beda dejjem joqrob aktar. Kont deċiżissimu li naqbadhom fil-fatt lil dawn il-qatta’ sangisugi li jridu jaqilgħu lira billi jieħdu dak li ħaddieħor jaqla’ bl-għaraq ta’ xbinu. Żomm il-kontroll, Gallo. X’żomm il-Madonna!
Kif nasal fl-indana ta’ qabel il-ħames sular nilmaħ grupp ta’ nies miġbura fil-bieb ta’ barra ta’ appartament numru disgħa. Għoddejt erbgħa imma fil-foga tal-mument taf kienu nqas u taf aktar. Ma bqajtx nara. Ħriġt il-pistola minn ħżiemi minkejja li kont konxju li ma kinitx ikkargata.
“Ara ma jiċċaqlaqx xi ħadd minnkom!”
Iżda malli rawni nipponta l-pistola qam pandemonju sħiħ. Telqu dak kollu li kellhom f’idejhom u ħarbu jiġru lura lejn il-bejt. Stħajjilthom ġenwimanent ippanikkjati u anke xi ftit mbeżża’ wkoll. Min jidgħi bil-Malti, min x’aktarx jagħmel l-istess bl-Islav.
Dal-Eastern Europeans ma fihomx ħobż.
Ġietni forza barranija u qbadt insegwiehom daqslikieku kont Michael Johnson fit-tellieqa ta’ ħajtu. Imma balleċ dawn l-alla ħallelin kienu ħfief għax bdew jaqbżu minn bejt għall-ieħor qisu xejn mhu xejn.
Imma kif jgħidu: nothing lasts forever. Lanqas il-bjut. Xi darba kellhom jieqfu għax ħa jiġu daharhom mal-ħajt.
“You bunch of fucking losers, stay where you are!”
Hekk f’dik id-dagħdigħa, stil Popeye Doyle fil-French Connection, il-ħallelin tassew ħasbu li waslet siegħethom.
“Perfect! Cut!” werżaq xi ħadd minn warajja.
Indur, u apparti lil tal-RIU li ma dehrux wisq kuntenti b’dik ix-xena, biex niftehmu, nosserva crew televiżiv imdaqqas kollha wiċċhom għad-dawl.
Apparentament l-Ispettur Victor Gallo, dakinhar fuq sick leave, kien ta kontribut enormi f’xena kruċjali ta’ episodju importanti ta’ serje popolari – minn dawk li jibdew fil-Ħarifa u jibqgħu sejrin ad aeternum, iddur madwar l-intriċċi ta’ grupp kriminali li ħadd ma jista’ jsib tarf – sabiex tieħu laqta ferm aktar realistika. U kieku kelli l-ħin x’naħli u kont wieħed minn dawk li nħobb nara l-istazzjonijiet lokali żgur Alla li kont nagħrafhom l-atturi Maltin.
Tlaqt lura d-dar nidgħi u nisħet kemm is-siegħa kif ukoll il-mument li rġajt twebbilt li nagħmilha tal-hero. Meta ħa nitgħallem?