January 24, 2015

Home: Part One




            Dak iċ-ċirku uman tond f’nofs is-sala kiesħa – minn tant ġranet dakinhar il-heater fettillu jieħdu f’sormu – baqa’ l-ħin kollu jfakkarni f’xena minn film li kont rajt snin ilu imma li ismu baqa’ jaħrabli. Kulma kien jonqos li xi ħadd minnhom joħroġ il-kuruna tar-rużarju u kulħadd jintefa’ jitlob bi ħrara u konna nkunu kompluti.
            “Min minnkom jixtieq jibda llum?”
            Fil-verità xi xeħta ta’ reliġjon kien hemm tgħaqqadna t-tużżana li konna (u mhux biss għax konna qed nużaw is-sala parrokkjali): id-domma tal-flixkun u l-kmandamenti li jsegwi b’għożża kull min iħobb il-qatra. Dak li ma jkollokx Alla ieħor għajr l-ispirtu. Il-kuxjenza tgħidlek – xiż-żobb int tagħmel? – ma’ kull grokk u l-kredu li fih biss wens. Mitluf nifli d-dirty dozen bilkemm intbaħt li kien imiss lili.
          “Jisimni Pierre,” għidtilhom, “kont nixrob kull ma jiġi għal idejja u ilni sajjem ġimgħa. Bdejt nattendi dan il-grupp għax l-imgħallem ma ħallilix għażla: jew il-job jew il-whisky.”
            Il-ħdax l-oħra flimkien mal-counsellor tas-Sedqa – raġel twajjeb bid-daqna u bi tbissima minn tagħna – qabdu jċapċpu bħallikieku kont għadni kemm ħabbart li sibt tarf xi wieħed minn dawk il-misteri dommatiċi. Imbagħad il-bqija qalu tagħhom u stqarrew għalfejn huma wkoll ħadu dak il-pass.
F’salt wieħed insib ruħi mgħannaq minn raġel bin-nuċċali li għal mument stħajjiltu John Suda mid-daqs, mill-qagħda u minn dik il-vuċi nażali ttenni: “Ir-rieda tagħna hija daqs l-azzar u x-xorb huwa bħan-nar.” Biex nidħol aktar fil-parti sibt ruħi nirrepeti dil-mantra warajh. Imbagħad ħabta u sabta qabad inewwaħ. Xil-madonna ħa nagħmel? Taptaplu tnejn fuq dahru (flok fuq rasu kif kelli aptit nagħmel) u għedtlu “Be strong.” Quddiem għajnejja feġġ il-Johnnie Walker, ħaqq.
Kif spiċċat il-laqgħa kulħadd qabad diskursata dwar ix-xjaten personali tiegħu. Jien kont selettiv ħafna dwar tiegħi għax kieku kont insib ruħi, kontra r-rieda tiegħi, f’xi nofs tużżana support groups oħra. Hemm limitu kemm bniedem jiflaħ tgħanniq.
Kien hemm Joe*, li wara li qabad il-mara m’oħra, sab ruħu huwa wkoll jibdilha mal-inbid. Jew inkella Franco*, li malli sar jaf li ħa jsir missier bla mistenni taha għall-ġinn bla rażan. Imbagħad John* (Suda), bniedem b’tendenzi suwiċidali - x’hemm aħjar mix-xorb sabiex toqtol lilek innifsek ftit ftit? L-unika mara tal-grupp, Natalia*, kellha ħila tixrob daqs erbat irġiel f’daqqa. U xi ngħidu għal Terry*? Fl-imgħoddi kien jibda jixrob mas-sitt mattinati – anke fuq il-post tax-xogħol bħala bennej – sakemm jidlam. Kull laqgħa kien jispiċċa jgħidilna li aktar kellu memorji mċajpra milli mumenti sober.
Fuq ix-xaqliba l-oħra tas-sala kien għad fadal Ġuże’* li minn mindu familtu saret taf li gay m‘aċċettatux u bħall-Iben il-Ħali tilef it-triq; David* li waqaf għax il-mara hedditu li teħodlu kollox; Saviour*, wiċċu ħadrani, jgħodd il-ġranet sakemm Alla jieħdu, litteralment. Kien jifdal l-aħħar tlieta: Bernard*, awtur fallut li wara s-suċċess enormi tal-ewwel rumanz ħareġ biss xogħol vroma u fehem li he couldn’t live up to it anymore; Dario*, dj frodist li wara li daq il-ħabs fuq hekk qabad freefall ta’ ġiżukristu; u fl-aħħar, u mhux l-inqas, kien hemm Donald* eks-bankier li, wara l-affaire tal-falliment bankarju u l-mod diżonorevoli kif sab ruħu fl-ewwel faċċati tal-ġurnali kollha, fehem li hemm isem għall-mistħija: il-vodka.
Xi ħadd kien impostur u jien sibt ruħi f’nofshom sabiex propju niskopri min minnhom. Għax għal min ħaseb li tassew tħajjart naqta’ x-xorb, għarralu. U bl-ikrah.

* L-ismijiet ġew mibdula għal raġunijiet kunfidenzjali iżda mhux biss.  

January 10, 2015

Dazed and Confused



            Il-bloggata tal-lum hija għal kollox differenti mill-oħrajn ta’ qabilha. Mhux għax “new year, new me”. Dak kollu bullshit. Imma għaliex wara l-ittra tal-imniegħel avukat, li sibt mitwija fi tnejn fil-letterbox ilbieraħ wara ġurnata xogħol tal-ħara, ma stajtx inħallieha lixxa. L-ebda alla ma joħroġni ta’ kodard, ta’ xi ħadd li jibża’ minn dellu.  Għalhekk l-ewwel ħsieb kif rajt isem l-imniegħel avukat kien: xiż-żobb inqalgħalha issa?
            Wara kollox l-aħħar jiem kienu kollha blurry tort ta’ sieħbi Johnnie Walker.
Ftaħtha biss wara li niżżilt żewġ grokkijiet f’nifs u poġġejt bilqiegħda nidgħi. Żewġ karti mehmużin. Fuq quddiem nota qasira tal-avukat Cocker b’Malti mħanżer aktar minn dak li sirt tisma’ fuq it-televixin. Infurmani li wara l-bloggata tiegħi tat-Tlieta 30 ta’ Diċembru, imsejħa “Madness”, Mariella Gallo, sive’ Muscat, ħasset li kellha dritt għal right of reply. Dan  sabiex tikkoreġi ċertu fatti esposti minni, bħala eks-żewġha, fid-dawl tal-fatt li fl-opinjoni tagħha naqqsulha mill-ġieħ. Anzi ma nafx kif ma żiedx ukoll mala-fucking-famanti mat-tilja frażijiet bombastiċi li għandhom ħabta jiddilettaw bihom l-avukati tal-ħabbagozz. Għaldaqstant kompla jinfurmani li anness, blah blah blah,  kelli nsib ittra mill-għażiża xi-darba-kienet-sinjura tiegħi bit-tweġiba tagħha għall-fatti esposti fl-istorja.
Wara diversi grokkijiet oħra qtajtha illi nilqa’ l-isfida bħal dak il-cowboy, tal-westerns ta’ dari, ferut fl-unur. Wara kollox nagħmel x’nagħmel xorta kont ħa nibqa’, skontha, annimal astratt jew muntun tas-siġar.
Għalhekk qed inġib, verbatim, it-tweġiba tagħha mingħajr ma missejt kelma (avolja subgħajja bdew jikluni biex fil-parenteżi nħalli xi kumment). Imma għal darba moħħi rebaħ lil qalbi fejn tidħol Mariella.

Għażiż Victor,
Nixtieq l-ewwelnett inroddlok ħajr talli wara dawn is-snin kollha għadek, b’xi mod jew ieħor, taħseb fija jew issemmini, anke jekk naf li fil-batal, ħafna mid-drabi. Qed ngħidielek mill-qalb. Sinjal li ħallejt impatt fuqek, anke jekk l-ebusija ta’ rasek (għidli!) tħallik tara biss ix-xaqliba n-negattiva.
Ma kelli l-ebda idea li fettillek tibda blog. U meta waħda minn ħbiebi semmietili ngħidlek id-dritt għall-ewwel bdejt nidħaq. “Victor jikteb blog? Mela dak għandu paċenzja? Dak għax-xogħol, għall-whisky u s-sigaretti jgħix.” M’emminthiex. Imbagħad it-Tlieta li għadda ċemplitli biex tinfurmani bl-istorja li fettillek ittella’. Għala tħobb taqla’ daqshekk l-imgħoddi għid? Int stess kont tgħid li l-passat mażżra. Forsi qabel kollox xtaqt tikkonvinċi lilek innifsek li f’dik l-epoka konna għadna taparsi flimkien?
Bagħtitili fuq Facebook u qrajtha minnufih ħa nara biex ħriġt. Ma kontx sorpriża. Ħsibtni daqshekk belha li ma ntbaħtx li kien jaqagħlek għaliha lis-Sinjura ****** (imħassar għal raġunijiet ta’ privatezza) jew li mal-ewwel ċans mintix ħa tbill subgħajk? Mela min jitwieled tond ħa jmut kwadru xi darba? Saħansitra rnexxielek tkun maledukat ma’ min kien iħares lejk b’ċertu ammirazzjoni u li talab biss ftit minn ħinek.
Miniex ħa nieħu ħafna fit-tul imma xtaqt ngħidlek li jekk bil-bloggata tiegħek mingħalik li waqqagħjtni għaż-żufjett, xtaqt ninfurmak ukoll għażiż Victor, li dakinhar, filwaqt li int kont qiegħed titliegħeb għas-Sinjura in kwistjoni fil-loki jien ukoll għamilt bħalek ma’ wieħed mill-mistednin li kien ferm aktar dħuli miegħi milli qatt kont int f’dawk is-snin kollha miżżewġin. U kieku kelli ċ-ċans kont nagħti l-wiċċ lil ħaddieħor ukoll, imma ma nzertajtx ħanżira daqsek.  Issa jekk trid, ħaddem moħħok biex tara min minnhom kien.

Tislijiet
Mariella

Ps: Jekk int buli u għandek il-bajd li dejjem tiftaħar bihom ippubblikaha din l-ittra.”

Qattajt lejl sħiħ inħares lejn l-aħħar żewġ sentenzi.