January 24, 2015

Home: Part One




            Dak iċ-ċirku uman tond f’nofs is-sala kiesħa – minn tant ġranet dakinhar il-heater fettillu jieħdu f’sormu – baqa’ l-ħin kollu jfakkarni f’xena minn film li kont rajt snin ilu imma li ismu baqa’ jaħrabli. Kulma kien jonqos li xi ħadd minnhom joħroġ il-kuruna tar-rużarju u kulħadd jintefa’ jitlob bi ħrara u konna nkunu kompluti.
            “Min minnkom jixtieq jibda llum?”
            Fil-verità xi xeħta ta’ reliġjon kien hemm tgħaqqadna t-tużżana li konna (u mhux biss għax konna qed nużaw is-sala parrokkjali): id-domma tal-flixkun u l-kmandamenti li jsegwi b’għożża kull min iħobb il-qatra. Dak li ma jkollokx Alla ieħor għajr l-ispirtu. Il-kuxjenza tgħidlek – xiż-żobb int tagħmel? – ma’ kull grokk u l-kredu li fih biss wens. Mitluf nifli d-dirty dozen bilkemm intbaħt li kien imiss lili.
          “Jisimni Pierre,” għidtilhom, “kont nixrob kull ma jiġi għal idejja u ilni sajjem ġimgħa. Bdejt nattendi dan il-grupp għax l-imgħallem ma ħallilix għażla: jew il-job jew il-whisky.”
            Il-ħdax l-oħra flimkien mal-counsellor tas-Sedqa – raġel twajjeb bid-daqna u bi tbissima minn tagħna – qabdu jċapċpu bħallikieku kont għadni kemm ħabbart li sibt tarf xi wieħed minn dawk il-misteri dommatiċi. Imbagħad il-bqija qalu tagħhom u stqarrew għalfejn huma wkoll ħadu dak il-pass.
F’salt wieħed insib ruħi mgħannaq minn raġel bin-nuċċali li għal mument stħajjiltu John Suda mid-daqs, mill-qagħda u minn dik il-vuċi nażali ttenni: “Ir-rieda tagħna hija daqs l-azzar u x-xorb huwa bħan-nar.” Biex nidħol aktar fil-parti sibt ruħi nirrepeti dil-mantra warajh. Imbagħad ħabta u sabta qabad inewwaħ. Xil-madonna ħa nagħmel? Taptaplu tnejn fuq dahru (flok fuq rasu kif kelli aptit nagħmel) u għedtlu “Be strong.” Quddiem għajnejja feġġ il-Johnnie Walker, ħaqq.
Kif spiċċat il-laqgħa kulħadd qabad diskursata dwar ix-xjaten personali tiegħu. Jien kont selettiv ħafna dwar tiegħi għax kieku kont insib ruħi, kontra r-rieda tiegħi, f’xi nofs tużżana support groups oħra. Hemm limitu kemm bniedem jiflaħ tgħanniq.
Kien hemm Joe*, li wara li qabad il-mara m’oħra, sab ruħu huwa wkoll jibdilha mal-inbid. Jew inkella Franco*, li malli sar jaf li ħa jsir missier bla mistenni taha għall-ġinn bla rażan. Imbagħad John* (Suda), bniedem b’tendenzi suwiċidali - x’hemm aħjar mix-xorb sabiex toqtol lilek innifsek ftit ftit? L-unika mara tal-grupp, Natalia*, kellha ħila tixrob daqs erbat irġiel f’daqqa. U xi ngħidu għal Terry*? Fl-imgħoddi kien jibda jixrob mas-sitt mattinati – anke fuq il-post tax-xogħol bħala bennej – sakemm jidlam. Kull laqgħa kien jispiċċa jgħidilna li aktar kellu memorji mċajpra milli mumenti sober.
Fuq ix-xaqliba l-oħra tas-sala kien għad fadal Ġuże’* li minn mindu familtu saret taf li gay m‘aċċettatux u bħall-Iben il-Ħali tilef it-triq; David* li waqaf għax il-mara hedditu li teħodlu kollox; Saviour*, wiċċu ħadrani, jgħodd il-ġranet sakemm Alla jieħdu, litteralment. Kien jifdal l-aħħar tlieta: Bernard*, awtur fallut li wara s-suċċess enormi tal-ewwel rumanz ħareġ biss xogħol vroma u fehem li he couldn’t live up to it anymore; Dario*, dj frodist li wara li daq il-ħabs fuq hekk qabad freefall ta’ ġiżukristu; u fl-aħħar, u mhux l-inqas, kien hemm Donald* eks-bankier li, wara l-affaire tal-falliment bankarju u l-mod diżonorevoli kif sab ruħu fl-ewwel faċċati tal-ġurnali kollha, fehem li hemm isem għall-mistħija: il-vodka.
Xi ħadd kien impostur u jien sibt ruħi f’nofshom sabiex propju niskopri min minnhom. Għax għal min ħaseb li tassew tħajjart naqta’ x-xorb, għarralu. U bl-ikrah.

* L-ismijiet ġew mibdula għal raġunijiet kunfidenzjali iżda mhux biss.  

1 comment:

  1. This comment has been removed by a blog administrator.

    ReplyDelete