December 30, 2014

Madness


            Ma kienx festin tal-Ewwel tas-Sena. Li ġej kollu seħħ, kollu minnu. L-ismijiet ħallejthom barra għax hekk ħassejt li jkun xieraq.
            Kien festin f’villa daqs dinja ta’ xi ħbieb li jafu lil Mariella, meta konna għadna flimkien għalkemm dak iż-żmien konna diġà qbadna n-niżla sew. Konna nidhru flimkien għall-konvenjenza għax hi minn dejjem kienet aktar tagħti kas x’jgħidu n-nies fuqna.
            Kien hemm skoss nies u t-temp ippermetta li jinfirxu fil-ġonna tal-villa f’San Pawl tat-Tarġa. Sidha, wieħed minn dawn l-awturi arty farty, kellu bokka biha aktar milli kellu b’martu. Ovvjament jien trakkajt mal-bar ewlieni flimkien ma’ sieħbi l-Johnnie Walker. Mariella kienet xi mkien tipprova timpressjona lil xi wieħed mill-awturi mistiedna dwar kemm għandha kotba d-dar u kemm tħobb taqra xogħlu.
            Imbagħad ilmaħtha. Kienet hi wkoll waħedha mal-bar. Lil żewġha kont nafu sew għax xi darba kien parti mill-Korp sakemm intebaħ li bħala avukat speċjalizzat fil-kriminal jagħmel ħafna aktar flus. Ħarist madwari u ma rajtux b’nemes. Għaraft x’qed tixrob u ħadtilha drink ieħor. Laqgħetni bi tbissima. Dik it-tbissima, marijamadonna!
“You are definitely crazy,” qaltli bid-daħqa, ftit wara, magħluqin flimkien f’wieħed mil-lokijiet tal-villa. Mhemmx bżonn nidħol f’dettalji ta’ x’konna qed nagħmlu msakkrin hemm ġew. Żgur mhux biex nispezzjonaw l-indafa tal-post.
Lura fis-sala ewlenija, meta lestejna, lil żewġha sabitu daqsxejn xurban jirrakkonta l-ħmerijiet li jara fil-kurituri u fl-awli tal-Qorti. Lil Mariella sibtha indannata – xejn ġdid wara kollox – għaliex kont tlaqtha waħedha.
“Fejn il-madonna kont?”
Ħarraftilha li kelli bewla taqsam l-anġli u fi triqti lura ltqajt ma’ ħabib tiegħi li kont ilni ma nara żmien. Baqgħet bil-buri sal-aħħar, għax lin-nies ma riditx turihom il-kunsenturi ta’ bejnietna, u niddubita emmnitnix.  
Waqt il-bqija tal-festin bqajna tabirruħna li ma nafux lil xulxin għalkemm kull tant ħin bdejna nibdlu xi messaġġ klandestin bil-mobile niffissaw l-appuntament li jmiss inkella ngħidu xi ħmerija b’innuendo sesswali għall-aħħar.
Daqq nofsillejl, infetħet ix-xampanja, bdejna sena ġdida, taw l-awguri għal sena aħjar (ho fucking ho!) u jien kien ħsiebni biss fiha (għal naqra ma ħarablix isimha veru u hemm kont niġi fil-ħara żgur).
Naf ċert  li Mariella laqqgħatni ma’ awtur ġdid li kien imħajjar jibda jikteb rumanzi polizjeski u xtaq li ntih daqsxejn għajnuna dwar kif inhuma l-proċeduri tal-istħarriġ. Naf ukoll li bilkemm bdejt nagħti kasu jtaqtaq. Fhimt biss – anke għaliex sibtha stramba – li xtaq jagħti titli Latini għar-rumanzi tiegħu. Legere, et non intelligere, neglegere est.
Din il-femme fatale, impjegata fil-Ministeru tal-Edukazzjoni f’xi rwol li llum insejt x’inhu eżatt (imma kellu titlu daqsxejn stramb), rajtha kemm–il darba minn dakinhar. Ma kinitx taħdem ‘il bogħod minni u kellha flat mikri l-Belt (wieħed mill-ħafna propjetajiet li kellu żewġha mal-gżira) li setgħet tuża fi xħin trid u fi xħin jogħġobha. Anke għaliex la żwieġ beda jisfaxxa ta’ xejn tipprova tagħmillu l-brejkijiet għax l-ebda breakpad ma tagħmel il-mirakli.
Domna sejrin bl-affari xhur sħaħ. Kollox hush hush, top secret daqs il-ħajja f’Pyongyang.
Sakemm darba fl-uffiċċju nsib nota, issiġillata f’envelopp u b’kalligrafija maskili ċara, indirizzata lili, tgħid:
“Xi darba ħa jkollok ix-xorti (jew l-iżvintura, skont mil-liema lenti taraha) li jkollok taffaċċjani f’xi każ f’xi awla u mbagħad naraw kemm int bravu ...”
Ippruvajt inċemplilha kemm –il darba imma qatt ma weġbitni. Bgħattilha turrun messaġġi ta’ xejn. Żmien wara sirt naf li ddeċidiet li tagħżel flus żewġha u l-karriera.
U b’sena ġdida wara l-bieb, spiċċajt niftakar – bħalma nagħmel kull meta joqrob l-Ewwel ta’ Jannar – kif dik in-niżla tiegħi kien fadlilha ħafna biex issib tmiemha.

December 24, 2014

Little Drummer Boy



            Ma kont ħa nikteb xejn dwar il-Milied. Għedt issa jgħaddi bħall-oħrajn u mal-oħrajn. Ġimagħtejn dagħa u buri mal-ħamsin l-oħra x’inhuma? Imma malli l-Maġġur Ganado ġej jgħidli “il-festi t-tajba”, jien u ħiereġ sparat mill-blokka, l-għada li tgħidx kemm smajtu jgerger kontrija (mingħalih ma smajtux, x’nagħmel?) għax allega li lqattlu l-bieba tal-Mercedes bil-bagalja, ma flaħtx iżjed. X’Milied Milied il-Madonna! X’ma niktibx, il-beati pawli.
            U f’dawn iż-żminijiet – kif Tas-Sliema issir il-Mekka tax-shopping – nikkonferma żewġ fatti: 1) kemm ma naħmlux il-Milied; 2) u kemm miniex waħdi f’din l-għaqda partikolari. Il-fatturi li wassluni niġi mlaqqam il-Grinch ta’ Windsor Terrace, skoprejt ftit ilu minn sticky note li ħallieli xi ħadd mal-windscreen tal-Consul, huma diversi. U ma faqqsux f’daqqa imma tagħġnu maż-żmien. Issa min jaqbel ma’ xi wħud minnhom kemm jgħolli jdejh inkella jħalli kumment taħt il-bloggata.
Id-diski tal-Milied idoqqu ad nauseam. Saħħa fuq kull fucking stazzjon tar-radju, f’kull fucking ħanut li tidħol imqar biex tixtri żigg ta’ kartuna ħalib. Imma fit-toroq ukoll? Hekk le xbin.
            “Last Christmas I gave you my heart ...” blah, blah, blah. Għexxkemmgħandek George Michael, l-agunija tiegħek saret tiegħi wkoll.
            John Lennon mhux ieħor? Il-gwerra għaddiet u ħa jibqa’ sejjer bil-War is Over. Titbiegħed kemm titbiegħed mit-toroq tar-raħal tibqa’ tisma’ dawn il-misħutin kanzunetti.
            Imbagħad hemm l-awguri foloz. Dawk li fi 364 jum jgħidu kontrik, jiġġakbinawk, jġagħluk tidgħi jew jilagħquk għall-finijiet ta’ moħħhom imbagħad dakinhar tarahom ġejjin b’xi tbissima ma tagħmilx għajb id-Daħla ta’ Renzo Piano u jtuk l-awguri. Bħall-Maġġur Ganado per eżempju jew l-Assistent Kummissarju, perċimes ieħor dak. L-għada nerġgħu nibdew bl-istess kantiliena.
          U l-kartolini xi ngħidu? Għall-grazzja t’Alla fija ftit għadhom jiftakru, ħlief xi Ministru u xi żewġ deputati, agħar mill-qħab.  Jew xi kuġin minsi minn Alla joqgħod l-Awstralja. Qas ħaqq jimlewli letter box. Saħħa jkolli nitqanna biż-żigg ta’ junk mail ta’ kuljum. Ara l-pustiera, iva lil dawk nitħassarhom għax nistħajjilhom jidgħu. F’dan iż-żminijiet jlħqu l-peak imbagħad.
            Hemm ir-rigali cheap, dawk li jiġu mogħtija b’pompa kbira imma bla qalb u bla ħeġġa. Xi fwieħa minsija minn Alla, xi kaxxa ċikkulatini taż-żewġ ewro, xi ingravata li qas għal qalb dinner dance tal-veterani 80+ mhi f’postha, xi xalla li ma tilbes qatt imma tkun tixtieq tlibbisha madwar għonq xi ħadd, xi voucher għand xi ħanut a la Morales, dak in-nanu jbigħ il-Christmas trees is-sena kollha. Dis-sena almenu lilna l-Ispetturi għamlulna ġabra cash. Issa bihom nistokkja l-alkoħol għas-sena li jmiss. Grazzi minn qalbi, kollegi.
            Ma nistax ma nsemmix kemm ma niflaħx dawk il-koppji taparsi għaddejjin lambranzetta, taparsi jidħqu u jiċċaċraw fit-toroq u fil-barijiet u restoranti. U fil-bqija tas-sena? Kurnuti kuntenti.
            Kontra l-istaff parties ma nistax ingerger għax hemm dejjem insib l-aqwa ħabib li għandi: il-flixkun tal-alkoħol, hi x’inhi l-forma u l-kontenut tiegħu. U anke għaliex għal darba kulħadd jagħlaq għajnejh għat-tipjip fuq ġewwa u l-flirting sfaċċat li tara għaddej bejn kollegi.
            Inkella xi ngħidu għall-ikla dundjan ma’ tal-familja? Meta niltaqgħu aħna l-Gallos nkunu qisna l-Aħħar Ċena mmultiplikata għal tliet darbiet. Storbju sħiħ, ħadd ma jħalli lil ħadd ifendi kelma, ommi miskina qisha l-kurnuta ta’ kulħadd, neputijiet jitfanfru bl-akkwisti tal-ħajja, ħuti (and spouses) li ma jifqux itaqtqu bis-suċċessi tal-karriera. Marijamadonna l-ikel jispiċċa jinżel velenu u jien nispiċċa nisħet is-siegħa u l-mument li għal darba oħra ma kontx kapaċi ngħidilha le lil ommi.
            U biex żgur inżomm mat-tradizzjoni tal-Grinch, għall-Milied u l-Boxing Day imissni duty.

December 12, 2014

Road to Hell



            Il-Malti midgħi di natura. Jilgħabha kemm jilgħabha tal-verġni u tal-qaddis. Għalhekk mal-ewwel okkażjoni dejjem isib ix-xoqqa f’moxtha ħalli jagħmel mezz kif jagħti wirja tal-vokabolarju wiesa’ moħbi ġewwa fih li huwa l-għira ta’ ħafna mill-Ewropej li jarawna poplu kkulurit aktar minn murtal. It-Taljani biss jersqu qribna fit-tħaddim tal-lingwa. Iżda dawk, bħal f’kollox, gwappi daqsna u aktar minna.
  Meta l-Malti jintilef f’xi dagħdigħa, waħda bl-għeruq u x-xniexel, ta’ spiss jispiċċa jeħel kulħadd ma’ rasu. Darba qrajt, fuq magażin lokali waqt li qed nistenna bħal kurnut lit-tabib, illi hawn min widnejh qatt ma wasslu dagħwa. Għax jekk hu minnu dan kollu, allura jkolli nistqarr li allura hemm aktar ċans illi Anġelik jiġi pproklamat qaddis qabel mewtu.
            Din il-bloggata mhux dwar id-dagħa per se. Imma dwar diversi elementi li jwasslu sabiex persuna jinfexx jitkellem ħażin – ibda minni l-ewwel wieħed, perċimes f’din il-kategorija – flok jirraġuna bħan-nies. U bħalissa bla dubju l-aktar ħaġa f’ilsien nies (id-dagħa, ċjoe) hija t-traffiku. Le mhux l-isparatura tal-mina. Ġimgħa leave niżżiltuhili velenu, ħaqqtakana.
            Għax min ħareġ bl-idea ġenjali illi jagħlaq diversi arterji prinċipali – minħabba tiswijiet neċessarji, biex ngħidu kollox – kollha fl-istess żmien, tabilfors illi huwa dilettant tad-dagħa. Għax minn meta bdew ix-xogħlijiet fi Triq il-Kosta, l-Imsida u Ħal-Lija – fl-eqqel tal-iskola u l-maltemp – ir-rata nazzjonali ta’ kliem ħażin żdiedet b’numri sostanzjali u allarmanti.
         U m’hemm bżonn tal-ebda survey Peppi-esk biex nuri bil-fatti kemm hu minnu. Tħares u tosserva madwarek. Anke n-nisa daħlulha din il-kompetizzjoni, għandikun. Għax dal-jumejn qlajt żewġ “għexxkemmgħandek” u xi tliet iswaba’ tan-nofs. Dan kollu għaliex ġbidtilhom l-attenzjoni, bil-prudenza solita tiegħi, illi kienu qed jiksru kemm allaħalaq regoli tat-traffiku.
          Min jidgħi biex jasal fil-ħin, min jidgħi li qed ikollu jitlaq minn sbieħ Alla, min jidgħi li fejn qabel kien jonfoq ħamsin ewro petrol issa qed ikollu joħroġ id-doppju, min jidgħi għax fit-traffiku jkollu jisma’ l-mużika ta’ ħaddieħor anke jekk ma togħġbux, min jidgħi biex imbagħad isib jipparkja ... u r-rota infernali tibqa’ ddur.
          Imbagħad jgħidulek li trid tmut biex issib l-infern! Naħseb Belżebub għandu overbooking ta’ postijiet.
         Dawn il-ħsibijiet ġewni f’moħħi lbieraħ meta, f’xita ma taqta’ xejn u karozzi jmissu ma’ sorm xulxin fi sriebet twal twal mifruxa fuq tliet karreġġjati qisna konna qed insofru minn xi technological breakdown, spiċċajt niftakar fid-diska ta’ Chris Rea: Road to Hell. Għax kif jgħidu: all roads lead to Valletta (jew Sliema, jekk tkun fi triqtek lura, u nibqgħu koppi). Ta’ xejn tfittex rotot u trejjaq sekondarji. It-triq għall-infern hija waħda biss.
           Fil-ħin li tagħmel wieqaf tista’ taqbad diversi passatempi biex toqtol il-ħin: min iħammel fi mnifsejh għal xi xorta ta’ minerali prezzjuż; min jagħmel aġġornament tal-vjaġġ fuq Facebook inkella jilgħab xi waħda mill-imniegħel logħbiet li jdejqulek it-trafanal; min jibda juri l-ewwel sintomi ta’ nevrożi qawwija billi jitkellem waħdu; min ipitter lilu nnifsu fil-mera daqs l-aqwa Monet; min ikanta (u jistona) jgħajjat; u via dicendo.
        Jien nippreferi nissendika lis-sewwieqa l-oħra għaldaqstant inħobb nibda mill-pjanċi tagħhom. Għax bħalma jgħid Sherlock: it is my business to know things.
           JUV-777 quddiemi eżatt u Juventus daqs dinja mal-ħġieġa ta’ wara. Umbrajtek, ibni.
        RIT-101 maġenbu. Rita? Ritianne? Twieldet fl-10 ta’ Jannar? Semmiegħa Nazzjonalista ffissata fuq il-101? Naf żgur li dik il-qatgħa xagħar bob ħamra tgħajjat kieku ma tantx tinżel għasel ma’ dawk tad-Dar Ċentrali.
         ŻORRO fuq in-naħa l-oħra. Xiex? Bis-serjetà? Aktar stħajjiltu s-Surġent Garcia milli l-eroj maskerat biex inkun onest. Il-Glanza ddaħħan qaltli wkoll: Wish you twice what you wish for me. Allura awgurajtlu li jagħmel dieta stretta, ma tafx kif ...
        Imbagħad l-Ismart bajda ta’ ħdejja. Eileen, infurmatni kif iċċaqalqet daqsxejn. Is-sewwieqa, liebsa l-iskufja u nuċċali tal-vista daqs dinja, kienet mitlufa ttektek fil-mobile. Wiċċha ‘l isfel. Tgħid hemm ir-raġel diġà jistennieha? Il-lover? Ġeneralment nisa lebsin skufja jqabbduni short circuit. Stħajjiltha waħda Slimiża illi naf, jisimha Eileen ukoll. Storja twila.
      F’daqqa waħda ħarset lejja bħallikieku ntebħet illi qed niflieha. Il-kruha t’Alla! Iktar kellha minn Montesin milli mis-Slimiża li naf. Il-bużillis illi ma ntbaħtx li l-Consul spiċċat isserraħ ma’ dik tal-Juventin intamat.
       Malli ħriġt mill-vettura ngħidlu li jien Spettur – dan kollu sabiex inserraħlu rasu – minn fuq qalli: Tisparalix!
            Wasalt id-dar kif ilħaqt l-ogħla livell fl-infern ta’ Dante: nidgħi u b’nervi ta’ bagħal.

November 18, 2014

Blackout: it-tieni parti



            Niftakarni niġri bla nifs. Bla ma nħares lura. ‘Il quddiem biss bħal żiemel tat-trott. Ġiri sfrenat ġej minn eċċitament liema bħalu aktar milli frott il-biża’ ta’ min isib ruħu f’sitwazzjonijiet bħal dawn. Niftakarni niġri bla nifs għalkemm kont ‘il bogħod minn dari u aktar minn hekk għax qatt daqs dakinhar ma ħassejtni eroj. Għalkemm snin wara kelli nitgħallem, a spejjeż tiegħi bħal dejjem, li  l-eroj issibhom biss f’rumanzi tal-ħabbagozz.
            Niftakarni niġri fid-dlam u nqis passejja bl-amment għax dik it-triq kont nafha b’għajnejja magħluqa. Dakinhar – bħal turrun drabi oħra – Malta kienet sofriet blackout. Dik id-darba, iżda, tort tal-powerstation tal-Marsa. Anke għaliex dik ta’ Delimara kienet għadha biss ħolma. Different administration, same shit.
            Blackout.
        Kollox kellu bidu ma’ Rebekah. Kollox jibda u jispiċċa ma’ nisa, ġeneralment. Żogħżiti ma kinitx eċċezzjoni. Il-paġni taż-żogħżija ma jixraq qatt li tħallihom vojta jew timliehom biss bil-monotonija.
       Elf disa’ mija sebgħa u tmenin. Daqs xahrejn u nofs wara li Malta rat bidla radikali fit-tmexxija tal-Gvern. Daqshekk Mintoff tal-bokkla biż-żiemel u Karmenu Żero. Issa t-tmun kien f’idejn Eddie, l-avukat tar-raħal skont xi ilsna ħżiena.
      Rebekah. L-unika eċċezzjoni għar-regola Gallo. Qabel Mariella, ovvjament. Sena ikbar minni u mgħarrsa ma’ wieħed mir-raħal ukoll. Marco. Fil-gang tagħna magħruf bħala Polo għax kien kiesaħ inġazzat. Wieħed minn dawk li jaħseb li hu rigal divin ta’ Alla lis-sess femminili. Ma stajtx ngħid li nafu mill-qrib. Imma di vista iva u sew għax inzerta wieħed mill-istilel tat-team tal-waterpolo tas-Sliema. U dak iż-żmien ma stajtx tissejjaħ Slimiż ta’ veru jekk ma tkunx midħla tal-pixxina u ta’ Manara, Petrococchino u l-bqija u tar-rivalità kbira ma’ dawk id-dardira tan-Neptunes. Kellu karozza tixraq bniedem inġazzat bħalu u Rebekah – li inzertat waħda mill-isbaħ tfajliet li qatt raw għajnejja fiż-żogħżija – kienet parti mill-pakkett. Kienu ilhom daqsxejn flimkien iżda kulħadd kien jaf li l-Polo xorta waħda ma setax jara dublett.
         “Dik xil-kristu qed tagħmel miegħu?” kienet il-mistoqsija parlamentari l-aktar spissa ta’ bejnietna. Iżda quddiem fatti ċari daqs il-kristall xorta kellna ħila nkunu għomja.
          Marco l-Polo żgur ma kienx xi ġuvni ddisgrazzjat. Dawk is-saffejn mibnija u x-xagħar bjond kienu jtuh palata, ja mġiddem.
        Sakemm darba waħda, wara l-ġelat u l-birra sajfija tas-soltu ħdejn ix-Chalet, jien u sejjer lura d-dar bil-mixi rajthom jitlewmu bl-ikrah. Kienet l-ewwel darba li nzertajthom mhux qishom żewġ amorini. Hi takkużah b’infedeltà u hu jgħajjarha bitch. Darba, tnejn, tlieta. Bija ma ntebħux, mistoħbi kif kont wara t-Triumph ta’ wieħed mill-ġirien t’ommi. Imbagħad rajtu jerfa’ jdejh fuqha u smajtu jgħidilha diversi xorti agħar minn bitch, għalkemm ma fhimtx kollox. Ma bqajtx nara. Tlaqt bil-ġirja, u bir-ragħwa f’ħalqi, lest għalih. Wara kollox kelli favurija l-element tas-sorpriża. Ma kellu ebda ħjiel li din il-ġlieda kont rajtha jien ukoll. Xufftejn Rebekah dehruli maqsuma u mdemmija. Taptaplu fuq dahru. Għaqqadt il-ponn u kif dar xejjirtlu daqqtejn f’wiċċu: en plein f’għajnejh ix-xellugija u bi żbrixx f’imnieħru.
          In-nejka li ntbaħt tard wisq li nqbadt fuq sieq waħda hekk kif ġgajta ta’ ħamsa minn sħabu qabżu fuqi għall-għarrieda. Ma stajtx nitħarrek mnejn kont. Ovvjament qlajt xebgħa tal-beati pawli u domt ġimgħat inġarrab il-marki tagħha.
          Imma ż-żmien ma jnessix. Almenu għalija.
        Kien l-aħħar tas-sajf, ‘kk niftakar sew, meta nqata’ d-dawl għall-għarrieda. Kienet seħħet xi ħsara kbira l-Marsa.
       “Ħaqqa t-turbina,” niftakar lil missieri jgerger. Konna kollha miġbura fis-salott  naraw xi programm medjokri fuq Xandir Malta.
          Tas-Sliema saret dalma waħda. U bħalma kien jiġri kull darba li jmur id-dawl, tas-Sliema kollha ħarġet fit-toroq. Jien tlaqt interraq it-toroq mudlama forsi ninzerta lil sħabi u ninfexxu f’ġelat mingħand tal-gabbana t’Għar id-Dud. F’sidestreet minnhom nilmaħ il-vettura tal-Polo wieqfa tleqq bħal dejjem. Ħarist madwari imma ma kienx hemm traċċa tiegħu. U wisq anqas ta’ sħabu. Mill-but tax-shorts slitt iċ-ċavetta tal-bieb ta’ barra tad-dar t’ommi. Erġajt ħarist madwari u ma dehrli li rajt lil ħadd jagħti kasi. Baxxejt u mal-bieba tax-xufier ħażżiżt ĦANŻIR b’ittri kapitali u kbar u taħthom l-inizjali tiegħi.
          Mhemmx xi ngħidu illi Rebekah u Marco ma baqgħux flimkien u wisq anqas spiċċat miegħi.

          Imbagħad tlaqt niġri bla nifs qisni żiemel tat-trott.