April 24, 2019

How Soon Is Now?


I am human and I need to be loved, just like everybody else does.”

M’intomx ħa titbissmu wisq intom u taqraw ir-rakkont ġej. Bħalma ġralkom ta’ spiss fl-anedotti preċedenti tas-snin l-imgħoddija. Avolja f’dawn iż-żminijiet, f’dinja li qisha bdiet titlef rasha, tbissima tinżillek għasel.

Iżda dan mhux ħin in-nejk. Serrħu raskom.

Qed nistħajjilkom tgħidu: biex int ħiereġ dalgħodu, Gallo? Iżda qed nissoponi li ma’ tmiem din il-ġrajja ħa jkun hemm varjetà ta’ reazzjonijiet: mix-xokk għal kif seħħew l-affarijiet għas-sorpriża li dawn l-affarijiet jiġru propju madwarna;  għall-konferma ta’ min jieħu gost jingħata raġun li ilu jgħidhom dal-affarijiet; u finalment għal kundanna ta’ min it-tolleranza huwa kunċett aljen għalih/a. Biex inkun onest l-ebda waħda minn dawn ma tikkonċernani wisq. Ħlief li forsi nibdew niftħu għajnejna. Qabel ikun tard wisq, sakemm mhux diġà tard wisq. 

Imma ejja ma ntawwalx aktar. Erġajt irxuxtajt dan il-blog għaliex ma stajtx nagħżel aktar l-arma tas-silenzju, propju fi żmien il-festi tal-Għid, quddiem xi ħaġa li tolqotni direttament: ir-rispett. Il-ġimgħa l-oħra nżertajt jumejn infila frank – anke għaliex kont għadni ġej minn jiem sħaħ ta’ xogħol bla waqfien kemm fuq il-każ tal-qtil doppju f’Ħal-Għaxaq u anke l-omiċidju tal-immigrant Ganjan f’Ħal-Safi – u qtajtha li jkun tajjeb li nibda nagħmel passejn xi mkien għall-kwiet (possibilment ‘il bogħod mill-istorbju ta’ nies u vetturi). Wara kollox id-Dott ilu jgħidli li għandi bżonn nieħu ħsieb saħħti għaliex it-tipjip u l-kolesterol huma fuckers. Li jirbħulek dejjem.

“Imqar nofs siegħa, Vic! Tgħidlix li ma ssibx nofs siegħa ċans f’ġieh Kristu,” dejjem jgħidli. Imbagħad jippuntali lejn żaqqi biex iwassal l-punt tiegħu b’aktar determinazzjoni. 

Għalhekk ħtaftu fil-kelma u kull ftit ċans liberu, naqbad il-Consul u nerħilha għal xi rokna madwar il-gżira u nqatta’ dawk it-tliet kwarti ma naħseb f’xejn ħlief fil-mużika li jkolli għaddejja f’widnejja. L-Erbgħa li għaddew fettilli mmur Ta’ Qali. Ħallejt il-karozza fejn is-sub-station tal-Enemalta u qbadt miexi mit-triq ta’ maġenb fejn qabel kien il-Flower Power. It-tir tiegħi kien li ndur id-dawra kollha minn fejn jarma s-suq għal maġenb l-ex-ajrudromm indur mal-Grawnd Nazzjonali imbagħad lejn l-Ambaxxata Amerikana u ninżel minn ħdejn il-Pitkalija u lura għall-Consul.

Ma kienx ili aktar minn għaxar minuti miexi, żgur. Meta bejn diska u oħra nisma’ bħal lamenti ta’ xi ħadd bħallikieku muġugħ. Ħarist madwari iżda ma lmaħt lil ħadd. Tgħid kont smajt ħażin? Malli rġajt middejt il-pass din id-darba l-għajta ta’ “Help!” kienet ċara daqs il-kristall. Neħħejt il-headphones u bdejt ngħarrex lejn minn fejn kien mingħalija li smajt il-krib. F’passaġġ dejjaq bejn żewġ għelieqi u moħbi wara vann abjad (li aktar tard kelli nsir naf li kien ta’ bidwi li kien ipparkjah hemm bil-lest għal filgħaxija ħalli jgħabbieh bil-kannestri tal-ful), insib żagħżugħ – kemm seta’ kellu tmintax-dsatax? – stendut mal-art. Wiċċu minfuħ kien mimli dmija (stħajjiltu l-Aċċjomu biex ngħidilkom il-verità), deher muġugħ u jżomm ġenbejh. Kif rani tkaxkar iktar ‘il ġewwa daqslikieku beża’ li ħa nkompli fejn ħallew ta’ qabli. Għajnejh mimlijin terrur. Sinjali klassiċi t’aggressjoni.

“I am a police officer, don’t worry,” ippruvajt inserraħlu rasu. Għedtlu ismi u wrejtu l-badge imbagħad il-mobile bħalbiex nagħtih x’jifhem li qiegħed hemm biex ngħinu. Sa fl-aħħar ikkalma. Saqsejtu x’jismu, minn fejn ġej u kif skontu  seħħew il-fatti.  

Ċempilt 112 għal ambulanza u spjegajtilhom x’inhi s-sitwazzjoni u l-bqija. Weġbuni li f’temp ta’ ftit minuti kellha tasal mill-Poliklinika tal-Mosta. Sadanittant newwilt il-flixkun tal-ilma tiegħi (għadu ssiġġillat)  lil Salomon, Kamerunjan ilu Malta mill-elfejn u erbatax meta kellu biss tlettax-il sena u wasal hawn m’ommu via d-deżert Saħara u l-kosta Libjana, u serraħtlu rasu li minn dak il-mument ‘il quddiem kien f’idejn tajba. 

Salomon Njoumbju kien qed isuq ir-rota għall-affari tiegħu biex imur għax-xogħol ma’ kumpanija ewlenija tal-inbid f’waħda mid-dwieli li hawn fl-akkwati. Karozza blu ta’ għamla Renault Megane – din l-informazzjoni ksibnieha minn kameras imwaħħlin fiż-żona – rassitu sakemm waqqgħetu minn fuq ir-rota. Minnha niżlu tlett irġiel, lebsin brieret stil basketball, u armati sa ruħ ommhom b’mazez tal-baseball. Fost ħafna tgħajjir u nsulti, kif ukoll stediniet biex jitlaq lura pajjiżu mnejn ġie, wieħed beda jżommu filwaqt li l-oħrajn bdew ituh b’kemm kellhom saħħa. Dan kollu għax iswed.

Demmi sar ilma. Sirt qisni kelb ifferuċjat.

Dan kollu għax iswed. Dan kollu għax barrani u mhux Malti. Ma kien qed jagħti fastidju lil ħadd. Kien sejjer jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum biex jitħallas il-boqxiex f’xogħol li l-patrijotti Maltin ma jridux jagħmlu. Dan huwa l-wirt li rridu nħallu lil uliedna? Din hija ż-żerriegħa li rridu nixħtu fil-ħamrija tal-ġejjieni? Jewwilla ma tgħallimniex biżżejjed li l-mibgħeda tiżra’ aktar mibgħeda u jekk inħallu kollox għaddej ikollna kaos? Tidħol Facebook u tara nies – li suppost jafu aħjar u tistenna aħjar minnhom – jitkellmu fuq il-proxxmu daqslikieku huwa biċċa imbarazz. Hija ħasra li dawn qed jiżdiedu. U għalhekk ma stajtx nagħżel aktar l-arma tas-silenzju. 

Qabel tlaqt minn ħdejh f’Mater Dei wegħedtu li m'iniex ħa noqgħod kwiet qabel insib lil dawn it-tliet kriminali. 

U appuntu ġimgħa wara: qiegħed ġol-Consul ipparkjata żewġ karozzi ‘l bogħod, fl-aktar triq traffikuża ta’ Birkirkara, minn Megane blu li minnha niżlu tliet persuni, lebsin il-brieret eżatt kif iddeskriviehom Salomon, sabiex jixtru l-pastizzi.

Inqabbad sigarett, ninżel mill-Consul u nerħilha għal warajhom ...