“I
am human and I need to be loved, just like everybody else does.”
M’intomx
ħa titbissmu wisq intom u taqraw ir-rakkont ġej. Bħalma ġralkom ta’ spiss fl-anedotti
preċedenti tas-snin l-imgħoddija. Avolja f’dawn iż-żminijiet, f’dinja li qisha
bdiet titlef rasha, tbissima tinżillek għasel.
Iżda
dan mhux ħin in-nejk. Serrħu raskom.
Qed
nistħajjilkom tgħidu: biex int ħiereġ dalgħodu, Gallo? Iżda qed nissoponi li
ma’ tmiem din il-ġrajja ħa jkun hemm varjetà ta’ reazzjonijiet: mix-xokk għal kif
seħħew l-affarijiet għas-sorpriża li dawn l-affarijiet jiġru propju
madwarna; għall-konferma ta’ min jieħu
gost jingħata raġun li ilu jgħidhom dal-affarijiet; u finalment għal kundanna
ta’ min it-tolleranza huwa kunċett aljen għalih/a. Biex inkun onest l-ebda
waħda minn dawn ma tikkonċernani wisq. Ħlief li forsi nibdew niftħu għajnejna. Qabel
ikun tard wisq, sakemm mhux diġà tard
wisq.
Imma
ejja ma ntawwalx aktar. Erġajt irxuxtajt dan il-blog għaliex ma stajtx nagħżel
aktar l-arma tas-silenzju, propju fi żmien il-festi tal-Għid, quddiem xi ħaġa
li tolqotni direttament: ir-rispett. Il-ġimgħa l-oħra nżertajt jumejn infila
frank – anke għaliex kont għadni ġej minn jiem sħaħ ta’ xogħol bla waqfien kemm
fuq il-każ tal-qtil doppju f’Ħal-Għaxaq u anke l-omiċidju tal-immigrant Ganjan
f’Ħal-Safi – u qtajtha li jkun tajjeb li nibda nagħmel passejn xi mkien
għall-kwiet (possibilment ‘il bogħod mill-istorbju ta’ nies u vetturi). Wara
kollox id-Dott ilu jgħidli li għandi bżonn nieħu ħsieb saħħti għaliex it-tipjip
u l-kolesterol huma fuckers. Li
jirbħulek dejjem.
“Imqar
nofs siegħa, Vic! Tgħidlix li ma ssibx nofs siegħa ċans f’ġieh Kristu,” dejjem
jgħidli. Imbagħad jippuntali lejn żaqqi biex iwassal l-punt tiegħu b’aktar
determinazzjoni.
Għalhekk
ħtaftu fil-kelma u kull ftit ċans liberu, naqbad il-Consul u nerħilha għal xi
rokna madwar il-gżira u nqatta’ dawk it-tliet kwarti ma naħseb f’xejn ħlief
fil-mużika li jkolli għaddejja f’widnejja. L-Erbgħa li għaddew fettilli mmur
Ta’ Qali. Ħallejt il-karozza fejn is-sub-station tal-Enemalta u qbadt
miexi mit-triq ta’ maġenb fejn qabel kien il-Flower Power. It-tir tiegħi
kien li ndur id-dawra kollha minn fejn jarma s-suq għal maġenb l-ex-ajrudromm
indur mal-Grawnd Nazzjonali imbagħad lejn l-Ambaxxata Amerikana u ninżel minn
ħdejn il-Pitkalija u lura għall-Consul.
Ma
kienx ili aktar minn għaxar minuti miexi, żgur. Meta bejn diska u oħra nisma’ bħal
lamenti ta’ xi ħadd bħallikieku muġugħ. Ħarist madwari iżda ma lmaħt lil ħadd.
Tgħid kont smajt ħażin? Malli rġajt middejt il-pass din id-darba l-għajta ta’ “Help!” kienet ċara daqs il-kristall.
Neħħejt il-headphones u bdejt ngħarrex lejn minn fejn kien mingħalija li smajt
il-krib. F’passaġġ dejjaq bejn żewġ għelieqi u moħbi wara vann abjad (li aktar
tard kelli nsir naf li kien ta’ bidwi li kien ipparkjah hemm bil-lest għal
filgħaxija ħalli jgħabbieh bil-kannestri tal-ful), insib żagħżugħ – kemm seta’
kellu tmintax-dsatax? – stendut mal-art. Wiċċu minfuħ kien mimli dmija
(stħajjiltu l-Aċċjomu biex ngħidilkom il-verità), deher muġugħ u jżomm ġenbejh.
Kif rani tkaxkar iktar ‘il ġewwa daqslikieku beża’ li ħa nkompli fejn ħallew
ta’ qabli. Għajnejh mimlijin terrur. Sinjali klassiċi t’aggressjoni.
“I am a
police officer, don’t worry,” ippruvajt inserraħlu rasu. Għedtlu ismi u wrejtu
l-badge imbagħad il-mobile bħalbiex nagħtih x’jifhem li qiegħed hemm biex
ngħinu. Sa fl-aħħar ikkalma. Saqsejtu x’jismu, minn fejn ġej u kif skontu seħħew il-fatti.
Ċempilt
112 għal ambulanza u spjegajtilhom x’inhi s-sitwazzjoni u l-bqija. Weġbuni li f’temp
ta’ ftit minuti kellha tasal mill-Poliklinika tal-Mosta. Sadanittant newwilt
il-flixkun tal-ilma tiegħi (għadu ssiġġillat)
lil Salomon, Kamerunjan ilu Malta mill-elfejn u erbatax meta kellu biss
tlettax-il sena u wasal hawn m’ommu via d-deżert Saħara u l-kosta Libjana, u
serraħtlu rasu li minn dak il-mument ‘il quddiem kien f’idejn tajba.
Salomon
Njoumbju kien qed isuq ir-rota għall-affari tiegħu biex imur għax-xogħol ma’
kumpanija ewlenija tal-inbid f’waħda mid-dwieli li hawn fl-akkwati. Karozza blu
ta’ għamla Renault Megane – din l-informazzjoni ksibnieha minn kameras
imwaħħlin fiż-żona – rassitu sakemm waqqgħetu minn fuq ir-rota. Minnha niżlu
tlett irġiel, lebsin brieret stil basketball, u armati sa ruħ ommhom b’mazez
tal-baseball. Fost ħafna tgħajjir u nsulti, kif ukoll stediniet biex jitlaq
lura pajjiżu mnejn ġie, wieħed beda jżommu filwaqt li l-oħrajn bdew ituh b’kemm
kellhom saħħa. Dan kollu għax iswed.
Demmi
sar ilma. Sirt qisni kelb ifferuċjat.
Dan
kollu għax iswed. Dan kollu għax barrani u mhux Malti. Ma kien qed jagħti
fastidju lil ħadd. Kien sejjer jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum biex jitħallas
il-boqxiex f’xogħol li l-patrijotti Maltin ma jridux jagħmlu. Dan huwa l-wirt
li rridu nħallu lil uliedna? Din hija ż-żerriegħa li rridu nixħtu fil-ħamrija
tal-ġejjieni? Jewwilla ma tgħallimniex biżżejjed li l-mibgħeda tiżra’ aktar
mibgħeda u jekk inħallu kollox għaddej ikollna kaos? Tidħol Facebook u tara nies – li suppost jafu
aħjar u tistenna aħjar minnhom – jitkellmu fuq il-proxxmu daqslikieku huwa
biċċa imbarazz. Hija ħasra li dawn qed jiżdiedu. U għalhekk ma stajtx nagħżel
aktar l-arma tas-silenzju.
Qabel
tlaqt minn ħdejh f’Mater Dei wegħedtu li m'iniex ħa noqgħod kwiet qabel insib
lil dawn it-tliet kriminali.
U
appuntu ġimgħa wara: qiegħed ġol-Consul ipparkjata żewġ karozzi ‘l bogħod,
fl-aktar triq traffikuża ta’ Birkirkara, minn Megane blu li minnha niżlu tliet
persuni, lebsin il-brieret eżatt kif iddeskriviehom Salomon, sabiex jixtru
l-pastizzi.
Inqabbad
sigarett, ninżel mill-Consul u nerħilha għal warajhom ...