September 10, 2015

West End Girls



Wisq probabbli ħafna minnkom qed jistaqsu: xil-madonna ġralu Gallo? Kemm ilu ma jikteb! Għax kif qaltli waħda milux, hi u tilbes biex terġa’ lura d-dar, “qisek sparixxejt mir-radar”. Ma tajthiex tort. Imma bħal dejjem tali aġir ma jfaqqasx mil-lum għal għada jew jiġri hekk ta’ xejn b’xejn.
Minbarra l-bżonn ta’ pawża fil-kitba, għax biex tikteb irid ikollok moħħok luċidu u fuq kollox bl-aptit li ttektek fuq il-keyboard, kienet deċiżjoni spontanja li das-Sajf nieħu btala kemxejn twila madwar l-Ewropa kontinentali. Għax moħħok għandu bżonnha qabel kollox u qabel kulħadd, widdbitni l-psikologa tal-Korp f’wieħed mill-meetings skedati skont il-proċedura stabbilita wara xi każ iebes żul-min-hemm.
“Is-soluzzjoni sabiex tħalli warajk il-każ Martin Mizzi u dak kollu li ġab miegħu, mhux li tegħreq f’iżjed xogħol minn qabel,” kompliet tippriedkali, “imma li taqta’ linja u tagħmel reset u tibda mill-ġdid. Iżda qabel tagħmel dan trid ftit żmien għalik waħdek fejn tħalli kollox warajk.”
U l-ħafna leave mġemma’ daħal feles.
Ibbukkjajt it-titjiriet, l-akkomodazzjoni u ppjanajt l-itinerarju li kellu jeħodni minn Malta għal Vjenna (sitt ijiem – jumejn Budapest inklużi) imbagħad dritt għall-Iżvizzera fejn kont beħsiebni niskopri ‘l Lugano (erbat ijiem) u dintorni. L-aħħar żewġ waqfiet fit-tul kellhom ikunu f’Berlin (ħamest ijiem oħra forsi nara x’issaħħru daqstant fiha lil Wenders) u mbagħad titjira diretta lejn Londra li kont ilni deċennji twal ma nżur kif xieraq.
“Għax ma tkomplihx qisu xi travel blog allura?” ħeġġitni mill-ġdid it-tfajla qabel ħarġet mill-bieb malli għedtilha, fuq fuq, bil-vjaġġ li ħadli daqs tliet ġimgħat u fuqhom.
Għall-ewwel ma tantx urejt xi entużjażmu barra minn hawn għall-idea imma mbagħad mal-ħin bdiet tirbaħ il-kontro-argumenti, bħal meta xi ħadd jinfilzalek suspett u int tibqa’ tħammem dwaru sakemm tikkonvinċi lilek innifsek. Kull fejn mort seħħew episodji strambi. Bħallikieku qed jiġru warajja sabiex isiru magħrufa u mwassla mal-erbat irjieħ.
Għalhekk ħassejt li nibda mit-tmiem. Minn dik it-tifkira li għadha l-aktar friska f’moħħi qabel iż-żmien jgħaddi passata żebgħa bajda oħra fuq il-memorja.
Londra trid tgħixha. Tal-anqas darba f’ħajtek. Il-kaos tal-belt jidħollok fil-pulmuni ma’ kull nifs sigarett u b’xi mod tħossok aħjar. Kont alloġġjat f’lukanda tliet stilel (f’Malta kienet titlef waħda kieku) fl-inħawi ta’ Bayswater fejn kelli kamra komda għalkemm xejn speċjali. Waħda minn dawk li b’daqqtejn ta’ sieq tajba mhux biss titfa’ l-bieb ġewwa imma taqilgħu miċ-ċaċċis, ninety-nine point nine. Bħal kull Malti ta’ rieda tajba, tmur Londra għal erba’ affarijiet: football, pubs, fish & chips u l-Madame fucking Tussaud.
Ovvjament fil-każ tiegħi kelli ħafna aktar togħma mill-ewwel tlieta milli minn tal-aħħar. Għal raġunijiet ovvji. F’ġimgħa rnexxieli nlaħħaq m’erba’ partiti tal-Premier, fosthom irnexxieli ninzerta telfa home rari tac-Chelsea kontra l-ġirien tal-Crystal Palace (li naturalment spiċċaw fakkruni fil-pastizzi tar-Rabat ...). Imma iżjed minn hekk kelli x-xorti niskopri ħafna pubs frekwentati aktar min-nies tal-lokal milli minn turisti qishom qatt ma marru mkien. Għax l-isbaħ aspett ta’ dan il-pellegrinaġġ alkoħoliku huwa li fil-maġġor parti tad-drabi l-Ingliżi għandhom ħabta jħalluk tixrob fis-santa paċi. Holborn, Belgravia, Paddington, Islington u l-bqija. Il-Ġimgħa filgħaxija, ma nafx kif u x’fatta, sibt ruħi mal-bar tal-Maltese Falcon fil-qalba ta’ Soho fejn dak il-ħin kien donnu peak time tal-happy hour għax ma kienx hemm fejn toqgħod labra.
Fuq it-tv kien għaddej xi programm kulinarju ta’ Gordon Ramsay jidgħi u jitmasħan bla ma jinstema’. Mill-jukebox kienet ġejja diska ta’ Morrissey li nammetti qatt ma kont smajt qabel. Qbadt il-barman, donnu tampari, jitkellem bil-Malti ma’ xi ħadd ieħor fuq il-mobile imma għamilt tabirruħi li kienet lingwa aljena. Għax għalkemm kont konxju mir-riskju, fl-isem tal-bar u fl-inħawi, illi nħabbat wiċċi ma’ ħuti Maltin, xorta waħda ma kellix aptit skambji kulturali.
“Ħabib, wiċċek qisu mhux ġdid u tgħidlix li m'intix Malti,” qalli għal għarrieda l-anzjan ta’ ħdejja, żewġ swaba’ neqsin ta’ maġenb il-werrej ixidd ċurkett ilellex tad-deheb, bħali jlegleg fic-Chivas, bi tbissima għadha kapaċi tkun konvinċenti. Kien kellimni bl-Ingliż sabiex ikun on the safe side imma għajnejh kienu ċerti minn dak li stqarr. Kellu xi ħaġa fih tgħidlek: tista’ tafdani, miniex bħall-bqija.
“Malcolm Bonnici, jew kif jien magħruf mal-Gvern Ingliż, Malcolm Buxter,” qalli hu u jeħodli b’idejja b’id ittappezzata bi kliem u disinji li ilhom li tilfu l-ilwien. It-tbissima omnipreżenti.
Għedtlu min jien u għajnejh xegħlu. Apparentament kien jaf lil zijuwi Egidio meta t-tnejn kienu nvoluti fin-negozju, għalkemm f’oqsma għal kollox differenti minn xulxin.
“Xi darba s-show business ta’ Soho kien ir-renju tiegħi,” qalli b’ċertu kburija. U għat-tliet sigħat ta’ wara, sakemm kienu saru nofsillejl skorruti, qagħad jirrakkuntali dwar il-Maltin tal-Ingilterra, l-istrippers, kull droga li ħoloq Alla, vjaġġi klandestini lejn pajjiżna, Mintoff/Karmenu/Borg Olivier u Eddie: “At one point I used to own sa sitt barijiet,” qalli jilgħab bis-sigarru f’idu. Lill-barman, li donnu kellu suddizzjoni minnu, ordnalu round ieħor bla ma offra li jħallas.
Waqt dan kollu dawk iż-żewġ swaba’ neqsin, f’nofs il-pala ta’ idejh ix-xellugija, baqgħu jittantawni nsaqsieh dwar il-ġenesi tagħhom.
“Dawn? Ħe ħe,” bħallikieku qrali moħħi u dara bl-attrazzjoni makabra tagħhom.
Kien April tal-1966 u f’Soho mid-dehra kienet għaddejja gwerra kważi-ċivili bejn id-diversi gangs għall-kontroll taż-żona. Dejjem skontu, hu u nofs tużżana oħra Maltin gwappi daqsu qatgħuha li kien wasal iż-żmien li huma wkoll jibdew juru snienhom u ma jibqgħux pupazzi f’idejn l-Ingliżi. Għaldaqstant Sibt minnhom (sbieħ il-Ħadd) – lebsin il-balaklavi u l-bqija – assaltaw wieħed min-nightclubs l-aktar popolari taż-żona, ħdejn in-Knightsbridge, sabiex jisirqu d-dħul tal-jum.
“Esmeralda’s Barn,” qalli bi tbissima donnu qed jistenna mingħandi reazzjoni partikolari. Iżda l-isem ma kien qed iqanqal xejn fija. “Anyway ...”
Bħalma jiġri ta’ spiss, minkejja l-pjanijiet, l-affarijiet għandhom ħabta jmorru żmerċ. Malli bdew l-attakk ma kellhomx idea li nasbuhom u fuq il-post sabu ġemgħa tistenniehom, inkluż is-sid li kellu reputazzjoni għall-vjolenza u l-brutalità.
Kaos sħiħ.
“Reggie fucking Kray in persona tajjarli subgħajja t-tnejn b’machete u lil sieħbi Sammy għamieh għal dejjem b’mus.”
Bi tbissima baqa’ jaħlifli li kulma qalli kien kollu minnu.
“But they were good times.”
U ordna round ieħor.
Tgħid kien rakkont fażull tal-anzjan sabiex jitma’ il-megalomanija tiegħu?
Lura l-lukanda ħlejt l-aħħar għaxra fil-mija tal-batterija tal-mobile ngħarrex dwar il-Kray twins, Soho tas-Sittinijiet u Malcolm Bonnici.