November 18, 2014

Blackout: it-tieni parti



            Niftakarni niġri bla nifs. Bla ma nħares lura. ‘Il quddiem biss bħal żiemel tat-trott. Ġiri sfrenat ġej minn eċċitament liema bħalu aktar milli frott il-biża’ ta’ min isib ruħu f’sitwazzjonijiet bħal dawn. Niftakarni niġri bla nifs għalkemm kont ‘il bogħod minn dari u aktar minn hekk għax qatt daqs dakinhar ma ħassejtni eroj. Għalkemm snin wara kelli nitgħallem, a spejjeż tiegħi bħal dejjem, li  l-eroj issibhom biss f’rumanzi tal-ħabbagozz.
            Niftakarni niġri fid-dlam u nqis passejja bl-amment għax dik it-triq kont nafha b’għajnejja magħluqa. Dakinhar – bħal turrun drabi oħra – Malta kienet sofriet blackout. Dik id-darba, iżda, tort tal-powerstation tal-Marsa. Anke għaliex dik ta’ Delimara kienet għadha biss ħolma. Different administration, same shit.
            Blackout.
        Kollox kellu bidu ma’ Rebekah. Kollox jibda u jispiċċa ma’ nisa, ġeneralment. Żogħżiti ma kinitx eċċezzjoni. Il-paġni taż-żogħżija ma jixraq qatt li tħallihom vojta jew timliehom biss bil-monotonija.
       Elf disa’ mija sebgħa u tmenin. Daqs xahrejn u nofs wara li Malta rat bidla radikali fit-tmexxija tal-Gvern. Daqshekk Mintoff tal-bokkla biż-żiemel u Karmenu Żero. Issa t-tmun kien f’idejn Eddie, l-avukat tar-raħal skont xi ilsna ħżiena.
      Rebekah. L-unika eċċezzjoni għar-regola Gallo. Qabel Mariella, ovvjament. Sena ikbar minni u mgħarrsa ma’ wieħed mir-raħal ukoll. Marco. Fil-gang tagħna magħruf bħala Polo għax kien kiesaħ inġazzat. Wieħed minn dawk li jaħseb li hu rigal divin ta’ Alla lis-sess femminili. Ma stajtx ngħid li nafu mill-qrib. Imma di vista iva u sew għax inzerta wieħed mill-istilel tat-team tal-waterpolo tas-Sliema. U dak iż-żmien ma stajtx tissejjaħ Slimiż ta’ veru jekk ma tkunx midħla tal-pixxina u ta’ Manara, Petrococchino u l-bqija u tar-rivalità kbira ma’ dawk id-dardira tan-Neptunes. Kellu karozza tixraq bniedem inġazzat bħalu u Rebekah – li inzertat waħda mill-isbaħ tfajliet li qatt raw għajnejja fiż-żogħżija – kienet parti mill-pakkett. Kienu ilhom daqsxejn flimkien iżda kulħadd kien jaf li l-Polo xorta waħda ma setax jara dublett.
         “Dik xil-kristu qed tagħmel miegħu?” kienet il-mistoqsija parlamentari l-aktar spissa ta’ bejnietna. Iżda quddiem fatti ċari daqs il-kristall xorta kellna ħila nkunu għomja.
          Marco l-Polo żgur ma kienx xi ġuvni ddisgrazzjat. Dawk is-saffejn mibnija u x-xagħar bjond kienu jtuh palata, ja mġiddem.
        Sakemm darba waħda, wara l-ġelat u l-birra sajfija tas-soltu ħdejn ix-Chalet, jien u sejjer lura d-dar bil-mixi rajthom jitlewmu bl-ikrah. Kienet l-ewwel darba li nzertajthom mhux qishom żewġ amorini. Hi takkużah b’infedeltà u hu jgħajjarha bitch. Darba, tnejn, tlieta. Bija ma ntebħux, mistoħbi kif kont wara t-Triumph ta’ wieħed mill-ġirien t’ommi. Imbagħad rajtu jerfa’ jdejh fuqha u smajtu jgħidilha diversi xorti agħar minn bitch, għalkemm ma fhimtx kollox. Ma bqajtx nara. Tlaqt bil-ġirja, u bir-ragħwa f’ħalqi, lest għalih. Wara kollox kelli favurija l-element tas-sorpriża. Ma kellu ebda ħjiel li din il-ġlieda kont rajtha jien ukoll. Xufftejn Rebekah dehruli maqsuma u mdemmija. Taptaplu fuq dahru. Għaqqadt il-ponn u kif dar xejjirtlu daqqtejn f’wiċċu: en plein f’għajnejh ix-xellugija u bi żbrixx f’imnieħru.
          In-nejka li ntbaħt tard wisq li nqbadt fuq sieq waħda hekk kif ġgajta ta’ ħamsa minn sħabu qabżu fuqi għall-għarrieda. Ma stajtx nitħarrek mnejn kont. Ovvjament qlajt xebgħa tal-beati pawli u domt ġimgħat inġarrab il-marki tagħha.
          Imma ż-żmien ma jnessix. Almenu għalija.
        Kien l-aħħar tas-sajf, ‘kk niftakar sew, meta nqata’ d-dawl għall-għarrieda. Kienet seħħet xi ħsara kbira l-Marsa.
       “Ħaqqa t-turbina,” niftakar lil missieri jgerger. Konna kollha miġbura fis-salott  naraw xi programm medjokri fuq Xandir Malta.
          Tas-Sliema saret dalma waħda. U bħalma kien jiġri kull darba li jmur id-dawl, tas-Sliema kollha ħarġet fit-toroq. Jien tlaqt interraq it-toroq mudlama forsi ninzerta lil sħabi u ninfexxu f’ġelat mingħand tal-gabbana t’Għar id-Dud. F’sidestreet minnhom nilmaħ il-vettura tal-Polo wieqfa tleqq bħal dejjem. Ħarist madwari imma ma kienx hemm traċċa tiegħu. U wisq anqas ta’ sħabu. Mill-but tax-shorts slitt iċ-ċavetta tal-bieb ta’ barra tad-dar t’ommi. Erġajt ħarist madwari u ma dehrli li rajt lil ħadd jagħti kasi. Baxxejt u mal-bieba tax-xufier ħażżiżt ĦANŻIR b’ittri kapitali u kbar u taħthom l-inizjali tiegħi.
          Mhemmx xi ngħidu illi Rebekah u Marco ma baqgħux flimkien u wisq anqas spiċċat miegħi.

          Imbagħad tlaqt niġri bla nifs qisni żiemel tat-trott.

November 12, 2014

Blackout: l-ewwel parti.



            Kif il-ġiżualla kont insejtha? Kienet qiegħda tkellimni u ma ntbaħtx.
            Għajjat. Storbju. Daħq. Swidija (sa ċertu punt) kull fejn tara.
Għax bħal f’ħafna affarijiet oħra t-trends taż-żminijiet għandhom ħabta jaslu għandna snin wara pajjiżi oħra. Bid-delay. Imbagħad jagħmlu bħat-trikkitrakki: jieħdu malajr. Xi kultant (jew ta’ spiss?) anke żżejjed.
            Għajjat. Storbju. Daħq ixxellerat. Swidija (sa ċertu punt) kull fejn jilmħu għajnejk.
            Xil-beati tridu?
         Daqs ġimgħa ilu, fl-aħħar t’Ottubru le?, seħħ il-bużillis. Kif nasal Tas-Sliema, wara ġurnata xogħol, nintebaħ li mar id-dawl. Almenu n-naħat tagħna, żgur.  Jien u miexi lura lejn il-blokka – għax bejn toroq magħluqa ħabba tiswijiet jew kisi ta’ tarmak (aboutfuckingtime!) u parkeġġ limitat spiċċajt ħallejt il-Consul għand Alla – stħajjiltni sibt ruħi f’xi xena post-apokalittika. Forsi nara wisq films.
         Dlam jagħti fl-oranġjo, karozzi ftit li xejn, nies wisq anqas ħlief tfal (jew kif kellha ħabta tgħajtilhom ommi: tfalijiet) u żgħażagħ jgħajtu “Trick or Treat?” inkella jħabbtu l-bibien immarkati għall-okkażjoni. Għal mument dik ix-xena fakkritni fl-affari ta’ Mosè u l-għaxar pjagi t’Alla qabel l-eżilju mill-Eġittu. Ġuvnott gwapp azzarda jsaqsini l-mistoqsija Halloween-jana. Ħasra li fid-dlam ma setax japprezza l-ħarsa-tweġiba tiegħi, almenu daqskemm xtaqt jien.
            Xiż-żigg jaħbat? smajtu jpespes minn taħt l-ilsien.
            L-arloġġ qalli: it-tmienja u ħamsa.
L-impressjoni ta’ Windsor Terrace stqarritli: qishom daqqu nofsillejl, ħniena t’Alla!
Mill-banda l-oħra l-mobile – b’kumbinazzjoni smajtu jdoqq  (ħaġa mhux tas-soltu) – infurmani b’messaġġ qsajjar li dil-affari tad-dawl maqtugħ ma kinitx ristretta biss għal Tas-Sliema. Blackout. Il-kelma wżata mit-Times. Bħalma ta’ spiss kelli, l-għada filgħodu, wara xarba whisky kif tmiss il-liġi.
Fit-twieqi stajt nara biss qargħa aħmar jiddi u jitbissem għalkemm iktar donnu qed jitnejjek bija talli ma kontx kapaċi nidħol fl-ispirtu.
            “Ebenezeeeeeeeeeeeeer!” smajt vuċi rqajqa tgħajjat minn warajja.
            Qabbadt Royals u kont diġà lest sabiex indur ngħidilha erba’ kelmiet kif tmiss il-liġi.
            Imma kienet biss waħda tampari ssejjaħ lill-kelb tal-but tagħha li mid-dehra sab ix-xoqqa f’moxtha u ħarbilha biċ-ċinga b’kollox. X’ħasbet? Li ħa nwaqqfu? Il-libertà l-ewwel u qabel kollox.
          Fl-indana, ħdejn il-lift bla ħajja, bdejt nhewden: l-emergency lights iċċarġjati? għad fadalli biżżejjed xemgħat biex ninqeda? Qas biss ridt naħseb fit-traġedja doppja. U fuq kollox bla elettriku xiż-żobb ħa noqgħod nagħmel? Bdilt il-mobile f’torċ – x’konna nagħmlu għoxrin sena ilu f’ċirkostanzi bħal dawn? – sabiex nevita li niekol l-irħam tat-taraġ jew li nkisser iċ-ċavetta fis-serratura: għax ħabba ż-żubbaba ta’ alkoħol ikolli nammetti illi jien re-offender fiż-żewġ każijiet.
          Kif dħalt ġewwa l-flat fittixt biddiltu f’monasteru, wieħed minn dawk ta’ Żmien il-Medju Evu, tant ix-xemgħat inemnmu tawh laqta spiritwali. Għalkemm il-burdata li kelli ma kien fiha xejn spiritwali jew reliġjuż. Sa mnalla t-temp barra kien aċċettabbli u ma fettillux huwa wkoll jitpastaż. Għalkemm skont it-tbassir fuq ir-radju – moqri f’ton li dejjem jispiċċa jfakkarni fl-eks-kunjata, alla jbiegħdek minnha – kellna lejl ta’ ragħad u maltemp ġej. Imma minn dan kollu lanqas bewla xita. Għalhekk intfajt fil-gallarija. Ferrajt diversi grokkijiet whisky – il-Bell’s ġie l-ewwel f’idejja – u qattajtha indaħħan, inlegleg u nissendika. Ma ħallitlix triq oħra, l-Enemalta.
            Kien hemm min, mixħut fil-gallarija bħali, jagħmel ħiltu bħallikieku lagħbi tal-poker sabiex ma jħallix lil min jitkixxef dwaru imma jkun jaf x’inhuma l-karti tal-oħrajn. Bħas-Sur Gauci tal-maisonette tan-naħa l-oħra li bl-iskuża tat-tipjip – għax martu ma tħallihx idaħħnilha ġewwa – jkun jaf kollox u fuq kulħadd. Kien hemm min mitruħ fuq siġġu fil-parapett, bħall-aħwa De Piro li jgħixu f’waħda mill-ftit townhouses li fadal fl-akkwati, jgħid ir-rużarju għan-nom tat-triq kollha. Kien hemm min sab ix-xoqqa f’moxtha għax id-dlam jostor dak li ma tridx turi. Bħat-tfajla tal-appartament ta’ faċċata, ma nafx x’jisimha għax kemm issellimli u kulħadd għal triqtu, li mid-dehra llejla kienet in dolce compagnia. Għax għalkemm għalqet il-blinds bilġiri xorta waħda lħaqt ilmaħt is-silhouette taż-żagħżugħ warajha.
            “Salute!” għedtilha jien u ngħolli t-tazza mimlija, imma ovvjament moħħha kien diġà banda oħra.
            Kien hemm min beda jgerger kontra l-Gvern, kien hemm min b’ton ironiku – żguralla Pierre l-gay ta’ flat numru tnejn għax leħnu tagħrfu minn seba’ mili bogħod – smajtu jgħid li allaħares isiru jafu ċ-Ċiniżi. Tbissimt għax il-memorja bagħla. Tbati mill-oġġettività. Selettiva u tagħżel liema jogħġobha. Hawnhekk bħalma fiż-Żejtun. Mhemmx konfini ġeografiċi jew differenzi ta’ klassi.
            Ħarist lejn is-silġ idur f’qiegħ it-tazza vojta. Erġajt ferrajt u xrobtha f’nifs.
Kien hemm min ...