November 18, 2014

Blackout: it-tieni parti



            Niftakarni niġri bla nifs. Bla ma nħares lura. ‘Il quddiem biss bħal żiemel tat-trott. Ġiri sfrenat ġej minn eċċitament liema bħalu aktar milli frott il-biża’ ta’ min isib ruħu f’sitwazzjonijiet bħal dawn. Niftakarni niġri bla nifs għalkemm kont ‘il bogħod minn dari u aktar minn hekk għax qatt daqs dakinhar ma ħassejtni eroj. Għalkemm snin wara kelli nitgħallem, a spejjeż tiegħi bħal dejjem, li  l-eroj issibhom biss f’rumanzi tal-ħabbagozz.
            Niftakarni niġri fid-dlam u nqis passejja bl-amment għax dik it-triq kont nafha b’għajnejja magħluqa. Dakinhar – bħal turrun drabi oħra – Malta kienet sofriet blackout. Dik id-darba, iżda, tort tal-powerstation tal-Marsa. Anke għaliex dik ta’ Delimara kienet għadha biss ħolma. Different administration, same shit.
            Blackout.
        Kollox kellu bidu ma’ Rebekah. Kollox jibda u jispiċċa ma’ nisa, ġeneralment. Żogħżiti ma kinitx eċċezzjoni. Il-paġni taż-żogħżija ma jixraq qatt li tħallihom vojta jew timliehom biss bil-monotonija.
       Elf disa’ mija sebgħa u tmenin. Daqs xahrejn u nofs wara li Malta rat bidla radikali fit-tmexxija tal-Gvern. Daqshekk Mintoff tal-bokkla biż-żiemel u Karmenu Żero. Issa t-tmun kien f’idejn Eddie, l-avukat tar-raħal skont xi ilsna ħżiena.
      Rebekah. L-unika eċċezzjoni għar-regola Gallo. Qabel Mariella, ovvjament. Sena ikbar minni u mgħarrsa ma’ wieħed mir-raħal ukoll. Marco. Fil-gang tagħna magħruf bħala Polo għax kien kiesaħ inġazzat. Wieħed minn dawk li jaħseb li hu rigal divin ta’ Alla lis-sess femminili. Ma stajtx ngħid li nafu mill-qrib. Imma di vista iva u sew għax inzerta wieħed mill-istilel tat-team tal-waterpolo tas-Sliema. U dak iż-żmien ma stajtx tissejjaħ Slimiż ta’ veru jekk ma tkunx midħla tal-pixxina u ta’ Manara, Petrococchino u l-bqija u tar-rivalità kbira ma’ dawk id-dardira tan-Neptunes. Kellu karozza tixraq bniedem inġazzat bħalu u Rebekah – li inzertat waħda mill-isbaħ tfajliet li qatt raw għajnejja fiż-żogħżija – kienet parti mill-pakkett. Kienu ilhom daqsxejn flimkien iżda kulħadd kien jaf li l-Polo xorta waħda ma setax jara dublett.
         “Dik xil-kristu qed tagħmel miegħu?” kienet il-mistoqsija parlamentari l-aktar spissa ta’ bejnietna. Iżda quddiem fatti ċari daqs il-kristall xorta kellna ħila nkunu għomja.
          Marco l-Polo żgur ma kienx xi ġuvni ddisgrazzjat. Dawk is-saffejn mibnija u x-xagħar bjond kienu jtuh palata, ja mġiddem.
        Sakemm darba waħda, wara l-ġelat u l-birra sajfija tas-soltu ħdejn ix-Chalet, jien u sejjer lura d-dar bil-mixi rajthom jitlewmu bl-ikrah. Kienet l-ewwel darba li nzertajthom mhux qishom żewġ amorini. Hi takkużah b’infedeltà u hu jgħajjarha bitch. Darba, tnejn, tlieta. Bija ma ntebħux, mistoħbi kif kont wara t-Triumph ta’ wieħed mill-ġirien t’ommi. Imbagħad rajtu jerfa’ jdejh fuqha u smajtu jgħidilha diversi xorti agħar minn bitch, għalkemm ma fhimtx kollox. Ma bqajtx nara. Tlaqt bil-ġirja, u bir-ragħwa f’ħalqi, lest għalih. Wara kollox kelli favurija l-element tas-sorpriża. Ma kellu ebda ħjiel li din il-ġlieda kont rajtha jien ukoll. Xufftejn Rebekah dehruli maqsuma u mdemmija. Taptaplu fuq dahru. Għaqqadt il-ponn u kif dar xejjirtlu daqqtejn f’wiċċu: en plein f’għajnejh ix-xellugija u bi żbrixx f’imnieħru.
          In-nejka li ntbaħt tard wisq li nqbadt fuq sieq waħda hekk kif ġgajta ta’ ħamsa minn sħabu qabżu fuqi għall-għarrieda. Ma stajtx nitħarrek mnejn kont. Ovvjament qlajt xebgħa tal-beati pawli u domt ġimgħat inġarrab il-marki tagħha.
          Imma ż-żmien ma jnessix. Almenu għalija.
        Kien l-aħħar tas-sajf, ‘kk niftakar sew, meta nqata’ d-dawl għall-għarrieda. Kienet seħħet xi ħsara kbira l-Marsa.
       “Ħaqqa t-turbina,” niftakar lil missieri jgerger. Konna kollha miġbura fis-salott  naraw xi programm medjokri fuq Xandir Malta.
          Tas-Sliema saret dalma waħda. U bħalma kien jiġri kull darba li jmur id-dawl, tas-Sliema kollha ħarġet fit-toroq. Jien tlaqt interraq it-toroq mudlama forsi ninzerta lil sħabi u ninfexxu f’ġelat mingħand tal-gabbana t’Għar id-Dud. F’sidestreet minnhom nilmaħ il-vettura tal-Polo wieqfa tleqq bħal dejjem. Ħarist madwari imma ma kienx hemm traċċa tiegħu. U wisq anqas ta’ sħabu. Mill-but tax-shorts slitt iċ-ċavetta tal-bieb ta’ barra tad-dar t’ommi. Erġajt ħarist madwari u ma dehrli li rajt lil ħadd jagħti kasi. Baxxejt u mal-bieba tax-xufier ħażżiżt ĦANŻIR b’ittri kapitali u kbar u taħthom l-inizjali tiegħi.
          Mhemmx xi ngħidu illi Rebekah u Marco ma baqgħux flimkien u wisq anqas spiċċat miegħi.

          Imbagħad tlaqt niġri bla nifs qisni żiemel tat-trott.

No comments:

Post a Comment