December 12, 2014

Road to Hell



            Il-Malti midgħi di natura. Jilgħabha kemm jilgħabha tal-verġni u tal-qaddis. Għalhekk mal-ewwel okkażjoni dejjem isib ix-xoqqa f’moxtha ħalli jagħmel mezz kif jagħti wirja tal-vokabolarju wiesa’ moħbi ġewwa fih li huwa l-għira ta’ ħafna mill-Ewropej li jarawna poplu kkulurit aktar minn murtal. It-Taljani biss jersqu qribna fit-tħaddim tal-lingwa. Iżda dawk, bħal f’kollox, gwappi daqsna u aktar minna.
  Meta l-Malti jintilef f’xi dagħdigħa, waħda bl-għeruq u x-xniexel, ta’ spiss jispiċċa jeħel kulħadd ma’ rasu. Darba qrajt, fuq magażin lokali waqt li qed nistenna bħal kurnut lit-tabib, illi hawn min widnejh qatt ma wasslu dagħwa. Għax jekk hu minnu dan kollu, allura jkolli nistqarr li allura hemm aktar ċans illi Anġelik jiġi pproklamat qaddis qabel mewtu.
            Din il-bloggata mhux dwar id-dagħa per se. Imma dwar diversi elementi li jwasslu sabiex persuna jinfexx jitkellem ħażin – ibda minni l-ewwel wieħed, perċimes f’din il-kategorija – flok jirraġuna bħan-nies. U bħalissa bla dubju l-aktar ħaġa f’ilsien nies (id-dagħa, ċjoe) hija t-traffiku. Le mhux l-isparatura tal-mina. Ġimgħa leave niżżiltuhili velenu, ħaqqtakana.
            Għax min ħareġ bl-idea ġenjali illi jagħlaq diversi arterji prinċipali – minħabba tiswijiet neċessarji, biex ngħidu kollox – kollha fl-istess żmien, tabilfors illi huwa dilettant tad-dagħa. Għax minn meta bdew ix-xogħlijiet fi Triq il-Kosta, l-Imsida u Ħal-Lija – fl-eqqel tal-iskola u l-maltemp – ir-rata nazzjonali ta’ kliem ħażin żdiedet b’numri sostanzjali u allarmanti.
         U m’hemm bżonn tal-ebda survey Peppi-esk biex nuri bil-fatti kemm hu minnu. Tħares u tosserva madwarek. Anke n-nisa daħlulha din il-kompetizzjoni, għandikun. Għax dal-jumejn qlajt żewġ “għexxkemmgħandek” u xi tliet iswaba’ tan-nofs. Dan kollu għaliex ġbidtilhom l-attenzjoni, bil-prudenza solita tiegħi, illi kienu qed jiksru kemm allaħalaq regoli tat-traffiku.
          Min jidgħi biex jasal fil-ħin, min jidgħi li qed ikollu jitlaq minn sbieħ Alla, min jidgħi li fejn qabel kien jonfoq ħamsin ewro petrol issa qed ikollu joħroġ id-doppju, min jidgħi għax fit-traffiku jkollu jisma’ l-mużika ta’ ħaddieħor anke jekk ma togħġbux, min jidgħi biex imbagħad isib jipparkja ... u r-rota infernali tibqa’ ddur.
          Imbagħad jgħidulek li trid tmut biex issib l-infern! Naħseb Belżebub għandu overbooking ta’ postijiet.
         Dawn il-ħsibijiet ġewni f’moħħi lbieraħ meta, f’xita ma taqta’ xejn u karozzi jmissu ma’ sorm xulxin fi sriebet twal twal mifruxa fuq tliet karreġġjati qisna konna qed insofru minn xi technological breakdown, spiċċajt niftakar fid-diska ta’ Chris Rea: Road to Hell. Għax kif jgħidu: all roads lead to Valletta (jew Sliema, jekk tkun fi triqtek lura, u nibqgħu koppi). Ta’ xejn tfittex rotot u trejjaq sekondarji. It-triq għall-infern hija waħda biss.
           Fil-ħin li tagħmel wieqaf tista’ taqbad diversi passatempi biex toqtol il-ħin: min iħammel fi mnifsejh għal xi xorta ta’ minerali prezzjuż; min jagħmel aġġornament tal-vjaġġ fuq Facebook inkella jilgħab xi waħda mill-imniegħel logħbiet li jdejqulek it-trafanal; min jibda juri l-ewwel sintomi ta’ nevrożi qawwija billi jitkellem waħdu; min ipitter lilu nnifsu fil-mera daqs l-aqwa Monet; min ikanta (u jistona) jgħajjat; u via dicendo.
        Jien nippreferi nissendika lis-sewwieqa l-oħra għaldaqstant inħobb nibda mill-pjanċi tagħhom. Għax bħalma jgħid Sherlock: it is my business to know things.
           JUV-777 quddiemi eżatt u Juventus daqs dinja mal-ħġieġa ta’ wara. Umbrajtek, ibni.
        RIT-101 maġenbu. Rita? Ritianne? Twieldet fl-10 ta’ Jannar? Semmiegħa Nazzjonalista ffissata fuq il-101? Naf żgur li dik il-qatgħa xagħar bob ħamra tgħajjat kieku ma tantx tinżel għasel ma’ dawk tad-Dar Ċentrali.
         ŻORRO fuq in-naħa l-oħra. Xiex? Bis-serjetà? Aktar stħajjiltu s-Surġent Garcia milli l-eroj maskerat biex inkun onest. Il-Glanza ddaħħan qaltli wkoll: Wish you twice what you wish for me. Allura awgurajtlu li jagħmel dieta stretta, ma tafx kif ...
        Imbagħad l-Ismart bajda ta’ ħdejja. Eileen, infurmatni kif iċċaqalqet daqsxejn. Is-sewwieqa, liebsa l-iskufja u nuċċali tal-vista daqs dinja, kienet mitlufa ttektek fil-mobile. Wiċċha ‘l isfel. Tgħid hemm ir-raġel diġà jistennieha? Il-lover? Ġeneralment nisa lebsin skufja jqabbduni short circuit. Stħajjiltha waħda Slimiża illi naf, jisimha Eileen ukoll. Storja twila.
      F’daqqa waħda ħarset lejja bħallikieku ntebħet illi qed niflieha. Il-kruha t’Alla! Iktar kellha minn Montesin milli mis-Slimiża li naf. Il-bużillis illi ma ntbaħtx li l-Consul spiċċat isserraħ ma’ dik tal-Juventin intamat.
       Malli ħriġt mill-vettura ngħidlu li jien Spettur – dan kollu sabiex inserraħlu rasu – minn fuq qalli: Tisparalix!
            Wasalt id-dar kif ilħaqt l-ogħla livell fl-infern ta’ Dante: nidgħi u b’nervi ta’ bagħal.

No comments:

Post a Comment