“But are we out of time?”
Meta tidħol f’ħajtek – bħal kull persuna oħra li kapaċi taħbat magħha matul it-triq tal-ħajja – imqar għal jekk ftit żmien, imqar jekk bi żbrixx, tibqa’ preżenti bħal dudu jsus u jnawwar f’moħħok. Ma titlaq qatt. Kultant żmien tinħeba fil-penumbra, qisha qed tilgħab noli, sakemm terġa’ tgħolli rasha ħalli tfakkrek li hemm għadha. U jerġa’ jibda r-ritornell ta’ dejjem.
Kemm fadalli żmien? Is-self li fadalli ħa nħallsu bl-imgħax jew le?
Ara ġejja l-mewt għalik biex tixwik.
Idejja rabbew il-kallu jgħaffġu fit-tajn tal-imwiet u l-vjolenza.
Ara ġejja l-mewt għalik biex tixwik.
Riġlejja kultant inħosshom jogħtru taħt kull aħbar ta’ mewt oħra.
Ara ġejja l-mewt għalik biex tixwik. Tiftakruha?
Żgħażagħ u tfal li mietu qabel żmienhom. Persuni li mietu barra minn żmienhom. Oħrajn li telqu wara żmienhom.
Il-mewt turik ħafna wċuh u ġġib ruħha skont kif jiftlilha.
U aħna, poveri Cristi, ikollna niżfnu magħha, irridu jew ma rridux.
Il-mewt nistħajjilha qisha dik il-kunjata li ġibt tgħix miegħek imma spiċċajt tisħet is-siegħa u l-mument.
Iż-żmien ma jistenna lil ħadd. U fl-età tiegħi, għaliex issa żgħir żgur m’għadnix, hemm ċertu wens fil-fatalità tal-ħsieb u fil-każwalità tal-ħajja. Pass ieħor eqreb.
Ibni kiber u qed irabbi familja. In-neputija ġmielha titfarfar u ngawdieha kull ħin possibbli, biex inpatti għad-dnubiet tal-imgħoddi. Kollegi u ħbieb ġew u telqu.
Il-ħajja bħal donnha ajruport.
Chuck Palahniuk f’Fight Club jistqarr: I don’t wanna die without any scars.
F’dak il-każ jien armat u lest.