October 20, 2014

Goodbye, blue sky.



 
            Għall-attenzjoni tal-bniet kont (u domt) nagħmel kollox. Basta narahom jidħqu. Basta narahom jitbissmuli. Basta għajnejhom jgħiduli: bħalek m’hawnx. U ħabba fihom, u l-protagoniżmu tiegħi, dħalt (u daħħluni) f’ħafna basal. Meta fi żmieni d-dixxiplina ma kinitx tagħmel għajb lil tal-KGB ma ridtx wisq biex tispiċċa f’waħda. Iżda għalija kienet naturali li nispiċċa nitħabbeb mas-sovversjoni.
            Għaldaqstant jien u r-riga tal-injam – dik bil-ġnub imżerżqin jaħbu ħadida rqiqa fuq kull naħa – kellna tabilfors (irridu jew ma rridux) insiru ħbieb. Fuq bażi regolari, wkoll. Għaliex f’dan il-kuntest skolastiku tilgħab parti importantissima l-grazzja. Biha tirbaħ post il-ġenna għal disa’ xhur sħaħ. Mingħajrha ssib ruħek tisħet xortik. Għaliex anke jekk titlob interċessjoni divina ħadd m’għandu ħila jneħħik mill-black book tal-għalliema talli qgħadt iddejqilha l-bubun.
            L-ewwel ħames snin tal-primarja baħħru ħarir. Fis-sitt vjaġġ inkaljajt. Ma’ persuna li minn dak iż-żmien kellha, għalija biss, tibqa’ l-Għalliema Ta’ Mingħajr Isem. Mhux għax ma niftakrux – il-memorji skabrużi jibqgħu mnaqqxin f’moħħ persuna ad aeternum – imma għaliex fl-anonimat jagħmel inqas ħoss. Isir wieħed mill-ħafna. Minsi (mingħalija) mal-mogħdija taż-żminijiet.
Almenu kelli l-privileġġ, għal kontra t’oħrajn, li qatt ma nitlibbes  il-kartellun tal-għajb - “I AM A DONKEY”. Iżda għalkemm kliemha kellu l-valur t’għaxar kartelluni, mal-bniet tal-klassi kont ta’ spiss noħroġ ta’ raġel fuq l-irġiel.
“Gallo, issa ngħid lil missierek imbagħad tibqa’ tagħmilha ta’ pulċinell!” kienet ta’ sikwit tħanxar sabiex żgur jismagħha s-Surmast li kellu l-uffiċċju fil-qrib u li kien ħabib sew ta’ missieri.
L-Għalliema Ta’ Mingħajr Isem kellha diversi fissazzjonijiet strambi li baqgħu stampati f’moħħ tfajjel imqareb t’għaxar snin. Tnejn l-iżjed: id-demonizzazzjoni tal-Perit u l-wirja fil-miftuħ – ta’ kuljum fuq l-iskrivanija tagħha – ta’ diversi bottijiet mediċinali. Pharmacy of Your Choice qabel żmienha.
“Dawn għad-depression,” kienet tibda l-litanija billi ċċekċkilna bott oranġjo. “Dawn ħabba l-pressjoni.” Bott blu. U via dicendo.
Il-bużillis li minkejja dan ma kienx ikollok l-iċken idea meta idek ix-xellugija jmissha l-appuntament (misħut) mar-riga tal-injam. Daqqtejn livell 8 fuq l-iskala Richter talli qabditek timitaha minn wara daharha – kif il-balleċ kien jirnexxielha tara minn hemm ukoll?
U bla ma ridt spiċċajt erġajt ħarist lejn dik l-id, illum imġarrba mod ieħor, hekk kif isimha tfaċċa mill-ġdid wara snin twal midfun. Din id-darba abjad fuq iswed.
“Il-ġiżualla!”
Louisa Bray, skont ir-rapport tal-ġurnal, issa kienet tgħodd mal-ħamsa u tmenin u għadha tgħix għal rasha bħal dari. Darba kienet biħsiebha (dejjem skont min kien jafha sew) tingħalaq f’monasteru u tagħti kemm ruħha kif ukoll ġisimha lil Alla. Iżda mid-dehra Alla kellu ħsibijiet (u pjanijiet) oħra għaliha. In primis li tagħmel ħajti u ħajjet ruxxmata tfal oħra miżerja. In secondis li tagħmel ċert li ‘qas jekk il-professjoni t’għalliem tibqa’ l-aħħar waħda f’wiċċ id-dinja, inkun nippreferi l-qgħad.
Għalkemm għomorha u żmienha tgħix in-Naxxar, kienet titkellem dwaru b’disprezz daqslikieku naqasha bl-ikrah. Qatt ma niftakruha ssuq u wisq anqas titlob rikbiet mill-bqija tal-istaff. Kienet wisq kburija sabiex tagħmel mod ieħor.
Għalkemm ir-rapport ma kienx estensiv, daqskemm xtaqtu almenu, xorta waħda tgħarrafni biżżejjed. Bray – għax ridt jew ma ridtx ma stajtx naħarbu iżjed issa, isimha – kienet għamlet bħalma jagħmlu spiss dawk tamparha: qasmet bl-addoċċ fi triq traffikuża għal alla bħalma hi Vjal il-Labour. U issa kienet tinsab rikoverata Mater Dei bi ġrieħi gravi, għalkemm mhux fil-periklu li tmur għand dak Alla li – snin qabel – kienet  lesta toffrilu kemm ruħha kif ukoll ġisimha.
Minkejja l-memorji ħassejtni intrigat mill-affari. Skont il-Malta Independent il-fatt kien seħħ jumejn qabel – allura għala ġabuh biss issa? – kif ix-xwejħa kienet ġejja lura m’għand tal-laħam, li kien jinsab tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod minn darha. Bla ma ħsibtha darbtejn qbadt iċ-ċwievet tal-Consul u mill-uffiċċju rħejtilha lejn l-Imsida. Fir-reception inzertajt lil iben kollega tiegħi – Surġent tal-affari tagħha – li tani l-informazzjoni kollha mitluba dwar Louisa Bray.
Fl-ewwel sala fuq il-lemin fit-tieni sular sibt attività ġmielha. Magħha kien hemm tnejn oħra li daqsha kienu f’qagħda fiżika ottu. Ħaddiem tal-liftijiet li waqa’ għoli ta’ żewġ sulari u sar aċċjomu imbagħad warden li skiddja bil-mutur u spiċċa mkaħħal ma’ siġra fit-triq tal-Grawnd tal-Mosta. Ir-raba’ sodda kienet battala tistenna minn mument għall-ieħor disgrazzja oħra. Kien hemm fattigi jnaddfu l-kurituri, tobba jagħmlu check-up lil diversi pazjenti u infermiera jlibbsu, ibiddlu jew jitimgħu. Wieħed minnhom staqsieni x’kelli bżonn hekk kif rani nipprova nilmaħ għax-xwejħa. Stqarrejtlu min jien, tani ħarsa konfuża u ħallieni għal triqti. Mexxejt is-siġġu għal maġenb sodditha. Kienet rieqda iżda nagħasha kien ħafif għax pront fetħet għajnejha ħa tara x’ġara.
“Sinjura Bray?” staqsejtha, mhux għal kollox konvint li kont qed nagħmel xi ħaġa f’waqtha. Jew kienet is-sudizzjoni minnha wara dawn is-snin kollha?
Ix-xwejħa ħarrket daqsxejn rasha sakemm ġiet wiċċ imb wiċċ miegħi. Iż-żmien, almenu f’dak il-mument, ma dehrlix illi kien wisq ħanin magħha. Wiċċha mbenġel taha sura aktar ta’ ħasra, imma f’għajnejha stħajjilt xorta waħda dik ir-rieda tal-azzar ta’ dari, ta’ meta b’ħarsa kienet għoddha ġġagħalna nbulu taħtna.
Għal mument jew tnejn rajtha tipprova tiftakar tafnix. Talbitni tazza ilma u minnufih obdejtha – jien li għandi ħabta nagħmel ta’ rasi, sibt ruħi għadni nagħmel li tgħidli l-eks-għalliema tiegħi. Xorbitha b’lajma stratosferika.
“Hector, qalbi, ġejt sa fl-aħħar. Kemm ilni nistenniek!”
Għal mument jew tnejn kien imiss lili nibqa’ bla kliem. Fil-klassi – sakemm il-memorja ma battietx bl-ikrah – ma niftakar l-ebda Hector. Dik riedet tgħid Victor u tfixklet, żgur.
“Ms. Bray, Victor Gallo jien,” tennejtilha dubjuż. “Ma tiftakarnix?”
“Hector, tmajthom lil Napoleon u lil Marie-Antoinette?”
Xil-beati pawli qed tmaħmaħ? Il-pets tagħha? 
Biex ma niksrilhiex qalbha għedtilha sserraħ rasha li hekk kont għamilt. Għajnejha xegħlu. Qaħqħet tnejn bil-qawwi u wara ftit reġgħet għajtitli bl-isem ta’ qabel. Qtajtha li kien ta’ xejn li nipprova nikkonvinċiha mod ieħor. Ħallejtha tparla.
“Kif bqajt ma ġejtx iżjed lura mill-Irlanda?”
Xiex? L-Irlanda? Din kif taf li darba mort l-Irlanda – fuq kors tal-Garda – jien? Ħassejtni mitluf daqs l-iktar sewwieq gwapp. Tgħid inkompli mal-logħba tagħha?
“Ħallejtni waħdi int ukoll!”
Minn għajnejha skappat biss demgħa waħda.
Ma’ min qiegħda tfixkilni? Binha? Imma qatt ma semmitilna wlied (jew smajna li kellha wieħed). Xi namrat? Possibbli? Daqskemm kienet biżbetka!
“Wegħedni li ħa terġa’ tibda tiġi żżurni.”
Bħal tifel ħerqan, qabel jorqod, għar-rakkonti t’ommu, issa kont imsaħħar mill-istorja moħbija wara l-faċċata li dejjem rajna tal-eks-għalliema tiegħi.
“U żgur li ħa nibqa’ niġi. Dak għax inqbadt f’ħafna u ħafna xogħol u għax ...”
Iżda Louisa Bray kienet dawret wiċċha lejn il-warden sfrakassat. Għaliha l-istorja kienet sabet tmiemha hemm.
Għalija le. Tlaqt bilġri lura lejn il-parkeġġ ħalli nfittex nasal l-uffiċċju u nfittex dak kollu possibli dwar dan l-imbierek Hector. Għaliex ridt nitkixxef min kien. Għaliex ridt insibu, nagħmel kuntatt miegħu, intarraflu dwar Louisa u nċanfru tal-abbandun.
Iżda jien u ħiereġ naħbat mas-Surmast, għadu qisu farfett, jagħmel il-vjaġġ oppost. Huwa wkoll kien sar jaf b’aħbar is-Sinjura Bray. Malajr għamel wieħed u wieħed. Saqsieni kif sibtha. Tarraftlu kollox. Iżjed minn hekk saqsejtu dwar l-imbierek Hector u l-Irlanda.
“Qatt ma kont smajt jiġifieri?”
“Kieku qed insaqsik?”
Ħares lejn l-arloġġ u sab li kien għad fadallu biżżejjed ħin biex jagħmel dak li kellu f’moħħu. Offrejtlu kafè u aċċetta. Qalb geġwiġija – ta’ nies deħlin u ħerġin, jieklu u jixorbu, jitmasħnu u jitbaħaħnu – qalli l-istorja kollha ta’ Louisa Bray.
Louisa Bray, imwielda Said, kienet tgħix ma’ ħutha f’dar ommha fin-Naxxar u qatt ma wriet ħajra għaż-żwieġ sakemm bħall-Erbgħa fost il-ġimgħa – meta kienet skorriet it-tletin sew – tilfet għaqalha wara baħri Irlandiż li kien ilu pajjiżna ftit xhur biss. Saru jinħabbu sakemm intrabtu fis-sagrament taż-żwieġ fl-elf disa’ mija u sebgħin. Mid-dehra Hector Bray kien aktar iqatta’ żmien fuq il-baħar, jew lura pajjiżu, milli fuq l-art maġenb martu. Sakemm sentejn wara – ftit qabel inzertajt fil-klassi tagħha – Louisa Bray telgħet l-Irlanda fuq żjara għal għarrieda sabiex tagħtih sorpriża.
“Louisa ftit kienet siefret f’ħajjitha. Dejjem trekken u ġġemma’, nafha,” infurmani s-Surmast bi tbissima.
Iżda f’Cork, l-eks-għalliema tiegħi, skopriet li Hector Bray, qed iqarreb il-ħamsin, twieled iħobb ħafna aktar l-irġiel milli lin-nisa.
“Iżżewwiġha biex ma jiksrilhiex qalbha.”
Imbagħad urieni ritratt tal-imbierek Hector Bray – ma’ martu u mas-Surmast u s-Sinjura waqt xi ballu tal-Milied – li kien fuqu biex jgħaddihulha lura, għax hekk ħass li kien xieraq.
Bqajt niċċassa lejn ir-ritratt ta’ Hector u stajt nara għala lix-xwejħa fakkartha fih.
Tlaqt lejn Tas-Sliema nhewden dwar ir-rigi u l-kejl tagħhom.

No comments:

Post a Comment