May 10, 2015

Heroes




Kont ilni ma nikteb kelmtejn għomor. Mhux għax ma ridtx imma dax-xahrejn ix-xogħol ħadli moħħi, ħini u saħħti. U ma’ kemm xorti ħa taqbad tlaħħaq? Iżda dil-ġimgħa seħħet ġrajja stramba oħra u għalhekk sibt ruħi ntektek dawn l-erba’ kelmiet fuq il-keyboard mimlija ġmar. Anzi, stajt niktibhom.
            Il-Ħadd li għadda fettilli nqum kmieni, jew aħjar dak il-mingħul ta’ tifel li joqgħod fil-flat ta’ ħdejja qam qisu l-indumunjat u miegħu qajjem blokka sħiħa għandikun, u tistgħu timmaġinaw x’nervi ta’ bagħal kelli. Il-Ħadd fucking imqaddes. Għalhekk ma nafx x’fettilli, flok bqajt nitgħażżen fis-sodda nkompli naqra r-rumanz giallo, qbadt il-karozza u rħejtielha lejn ir-Rabat. Għal darba t-toroq baħħ, xi ġmiel.
Il-famuż Crystal Palace kien imballat bin-nies, bħas-soltu. Riħa taqsamlek qalbek u ġġiblek l-istonku għoqda. B’miraklu denju ta’ San Ġennaru rnexxieli nilmaħ post battal, ma’ sorm il-bar, fejn b’xi mod stajt nixrob il-kafe’ fit-tazza, bħal dari, u nibla’ t-tliet pastizzi (tnejn rikotta u wieħed piżelli) fuq plattina. Madwari xjuħ bakkru kmieni għall-quddies jew żgħażagħ ġejjin imċemplin wara lejl tbahrid. Taħlita mżewqa u kuntrast ħelu.
Anke jekk ma ridtx, spiċċajt naqsam il-qari tal-ġurnali tal-Ħadd ma’ ta’ ħdejja li donnu ma tantx beda jsibha bi tqila jagħmel running commentary, b’vuċi għolja, tal-aħbarijiet ewlenin tal-ġurnata ta’ qabel. Kien wieħed minn dawk id-defsiet li jaħsbu li jifhmu f’kollox.
“Ma jistax ikun jibqgħu deħlin dal-glandestini kollha,” għajjat l-espert, jferfer idejh, biex jisimgħu kulħadd daqslikieku ħassu xi Napuljun.
            “Qatt ma rajniek ‘l hawn,” qalli x-xwejjaħ ta’ faċċata tiegħi, jqabbad il-pipa, qisu nduna li kont qed niekol ilsieni.
            “Jaqaw għandek bżonn membership card biex tiġi l-Ħdud filgħodu?” saqsejtu bi tbissima.
            Kont qisni kellimtu bil-Ġappuniż u l-bqija tal-ħanut infaqa’ f’daħqa ġenerali.
            Spiċċajt qattajt siegħa fosthom u għal darba ma ddispjaċieni xejn li kont f’post mifqugħ bin-nies. Kif ħriġt minn hemm sibt li kienu t-tmienja u nofs daqqu. Irħejtilha bil-pass mat-toroq dojoq tar-Rabat la t-temp inzerta sabiħ. Kont ilni daqsxejn indur u nagħqad, mingħajr ma nagħti kas minn fejn għaddej, meta nisma’ lil xi ħadd jgħajjatli. Jew almenu hekk dehrli. Ħarist madwari imma ma kienx hemm ruħ oħra għaddejja, ħliefi. mitluf fi ħsibijieti.
            “Mister! Mister! Tista’ tgħinni jekk jogħġbok?”
            Bqajt inħares lejha – mara qabżet is-sittin fiċ-ċert iżda għadha żżommha daqslikieku iżgħar u eleganti ħafna f’ilbiesha mingħajr ma tkasbar id-dinjità tagħha – għaliex jien u miexi ma kontx intbaħt biha sserraħ mal-grada ta’ quddiem il-bieb tistenna xi ruħ tajba tgħaddi.
            “Skont xiex,” għedtilha.
            “Ġinġer tiegħi ma jistax jinżel minn fuq is-siġra u tgħidx x’inewwaħ miskin u sarli l-ħin għall-quddies,” qaltli hi b’ċertu paniku.
            “Ġinġer?”
            “Il-qattus tiegħi,” spjegatli mill-ġdid. “Milux ħafna għandi iżda nħobbu daqs il-mimmi t‘għajnejja.”
            Sibt ruħi fil-ġnien daqs dinja tas-Sinjura Yvette Formosa, skontha armla indipendenti ħafna, nipprova nniżżel dak l-imbierek qattus beżgħan fuq l-ogħla fergħa tas-siġra tal-ħarrub. Bdejt tiela’ ftit ftit, waqt li s-Sinjura baqgħet tgħajjatlu qisha qed titkellem ma’ binha, nisħet is-siegħa u l-mument li aċċettajt. Ġinġer ma tħarrikx minn fejn kien. Xiż-żobb fettillek titla’ s’hemm fuq nett jekk m’għandekx bajd biex tinżel?
            “Attent mister!” widdbitni Yvette Formosa.
            “Ħalli f’idi,” serraħtilha rasha niggranfa maz-zkuk b’ċertu faċilità li lanqas jien stess ma stennejt.
            Kien irnexxieli naħtaf lill-ostru Ġinġer f’idejja meta ġraw 3 fatti li ma kontx bassart: a) il-qattus beża’ minni u biex jiddefendi ruħu girifni f’għonqi – xi ħruq marijamadonna!; b) il-fergħa ma felħitx il-piż ta’ ġismi, inqasmet bit-toqol u spiċċajt inżilt l-għoli tas-siġra – sa mnalla ma kinitx ħafna – għal ġol-ħamrija taħti; ċ) iżda agħar minn hekk il-Ġinġer spiċċa taħti u qata’ qasir il-għomor il-ħajja f’dik id-dar enormi tas-Sinjura Formosa. Ħaqqek Spettur talli ridt tagħmilha tal-hero, dalgħodu.
            Ftit tal-ħin wara, kif mill-ġdid, ġejt f’sensija sibt ruħi mimdud fuq is-sufan fis-salott qisni mort għall-gwerra bi Florence Nightingale maġenbi tnewwaħ. Il-ħruq f’għonqi u t-tbenġil ma’ ġenbi kollu biddluli l-perspettiva ta’ dak il-Ħadd wara ż-żjara għand il-Crystal Palace. Ta’ Ġinġer bla ħajja l-ebda sinjal. Mortacci tua. Ma flaħtx niċċaqlaq.
            “Int l-Ispettur Gallo hux veru?” saqsietni għall-għarrieda, bid-dmugħ nieżel ma’ ħaddejha, kif newlitli tazza ilma kiesħa. “Insegwiehom sew l-aħbarijiet,” qaltli tippuntali lejn it-televixin imwaħħal mal-ħajt. U qabdet issemmili diversi każijiet li ftakret b’dettalji impressjonanti. Każi li kont naf b’għajnejja magħluqa, ovvjament.
            Hekk tħares lejja b’dieqa u rabja fl-istess nifs, u b’xugaman f’idejha, minn moħħi għadda biss ħsieb wieħed: ma nagħmlux mod li kont iltqajt mal-Annie Wilkes tiegħi u ħa tpattili talli qtiltilha lill-maħbub Ġinġer tagħha?

No comments:

Post a Comment