May 23, 2015

The River




Ħa nagħmilha ċara mill-ewwel: miniex wieħed minn dawk li nħobb niddiletta bit-tiġijiet jew li nattendi għalihom bi ħġari bħallikieku huma l-highlight tal-ġimgħa (jew tax-xahar jew tas-sena u via dicendo). Nippreferi l-kumpanija tal-flixkun milli tan-nies. Għax kemm ħa ddum tredden soċjevolment ma’ nies illi kieku kien mod ieħor tibgħathom jieħdu? Għax saħħa jkun tal-familja, fejn trid jew ma tridx xi kultant iġibuk dahrek mal-ħajt, fejn f’ċirkostanzi hekk tkun qed tgħum f’baħar familjari. Imma meta fil-letterbox insib xi nvit (in gergo ċitazzjoni għall-għarrieda), mingħand xi “kollega” jew xi ħabib antik għax ħa jiżżewwġulu t-tifel jew it-tifla, nieħu qatgħa f’imsarni.
Mhux għar-rigal, qabel xi ħadd jazzarda jsejjaħli Scrooge. Il-flus dejjem ġew u marru. Għall-intrigu aktar minn kollox.
Qed nistħajjilkom tgħiduli: mhux ma tmurx jew? Għamiltha ħafna drabi, serrħu raskom, għax wara kollox min hu sidi? Iżda xi drabi għall-magħmul m’hemmx kunsill. Għax xi kultant aħjar daqsxejn diplomazija milli l-alabiebiżmu li jiġini naturali.
Kien ilu jċaqċaq imma tibqa’ tittama sal-aħħar li b’xi mod jinsewk. Sakemm ftaħt l-envelopp u sibt l-istedina għas-Sur Gallo & guest. Bint l-Assistent Kummissarju. Kif tista’ ma tattendix? U kif l-oħrajn qabduha fl-uffiċċju li jekk ma mmurx inkun tan-nejk ejwann, ma kienx beħsiebni noħroġ ta’ mażetta.
Żewġ Sibtijiet ta’ wara wasal dan l-imbierek fucking tieġ u oħroġ il-għaġeb ħarġet waħda minn dawk il-ġranet fejn tixtieq tkun kullimkien, l-aktar ħdejn il-baħar, milli f’xi sala qisek tiġieġa f’gallinar. L-oħrajn ipproponew car pooling bil-kundizzjoni li ma nsuqx jien għaliex kienu jafuni biżżejjed. Għaldaqstant f’karozza waħda: jien, Casaletto, it-tfajla u żewġ kollegi oħra, Spetturi ilni nafhom is-snin.
Erħejtilha lejn il-post favorit tiegħi, il-bar, deċiż li minn hemm ma jċaqlaqni ħadd ħlief l-ispirtu. Sibt rokna fejn it-trassis ma kienx popolari u bdejt inlegleg fl-ifjen whisky tal-okkażjoni. Mela ntiehom tmenin ewro rigal ta’ xejn jew? Il-band qabdet iddoqq diski popolari. Madwari lmaħt uċuh familjari li ma naqsux milli jsaqsuni dwar xogħli bħallikieku tassew jimpurtahom. Kien hemm diversi nisa li ħarsuli b’xewqa ripressa waqt li għaddew labranzetta ma’ żwieġhom – jew kien l-effett tal-alkoħol? Trays għaddejjin darba f’mitt qamar, imwejjed tal-ikel skarsi daqs l-ilma fl-Afrika, cocktail bar miżgħud il-ħin kollu bil-mistiedna u li ma setax jonqos li ntih titwila wkoll. Ngħid id-dritt kont qed nieħu gost ħafna aktar milli stennejt. Casaletto u l-bqija, mixħutin bilqiegħda fuq is-siġġijiet qishom qatta’ xjuħ, kienu qed jieħdu a good time huma wkoll mid-dehra.
Qabadni ġuħ kelb.
Sakemm ...
Sakemm f’salt wieħed għajnejja marru fuq wieħed mill-mistiedna, taħt il-gazebo maġenb pixxina enormi, u l-aħħar grokk ħassejtu nieżel velenu. Kif ma kontx ntbaħt bih qabel? Kemm kien għadda żmien? Għaraftu minnufih u qbadtu jħares lejja tabirruħu li mhux. Qabbadt sigarett. Ma qgħadtx naħsibha bosta. Jekk ma taqbadx il-barri minn qrunu tispiċċa b’ħafna rimorsi u minn dawk kelli biżżejjed, anzi żżejjed. Kien mal-mara/partner/whatever qisha statwa tal-irħam u mid-dehra ma tifhimx akka bil-Malti.
“Jimmy Cardona?”
 “Nafek?”
“Nbdilt daqshekk?”
U għajnejh tradewh.
“Victor Gallo?”
“Kollu kemm hu.”
Tbissimtlu, tfajt il-bqija tas-sigarett fit-tazza vodka li kellu f’idu taħt il-ħarsa mhux sorpriża tal-istatwa u tlaqt lura mnejn ġejt. Kont naf li ħa jifhem għala. U aktar minn hekk kont ċert illi mhux ħa jirreaġixxi bil-guffaġni tas-soltu ħlief li jsofri dik l-umiljazzjoni fil-kwiet.

Żmien ilu Jimmy Cardona kien wieħed minn dawk il-bouncers impjegati, mal-ħafna nightclubs, fuq il-bażi li huma ex-pulizija allura bilfors li tajbin f’xogħolhom. U xi wħud minnhom kellhom ħabta jaħsbu li għalihom kienet tapplika biss il-liġi tal-ġungla. Paceville kien mimli sa ruħ ommu, bħal dejjem. Jien, Mariella (dak iż-żmien konna diġà koppja fissa) u l-bqija tal-gaj tagħna l-Footloose.  Quddiemna ringiela shooters u flixken tax-xorb. Żmien ieħor fejn ix-xorb kien azzjoni kollettiva u mhux eżistenza individwali. Taf int meta tkun qed tieħu gost il-ħmerijiet huma riċetta ewlenija. Min jitnejjek bl-ilbies t’oħrajn, min jitfa’ xi ħarsa twila żżejjed lejn xi tfajla ta’ ħaddieħor, min jifflertja b’riżultati effiċjenti jew diżastrużi (jiddependi mill-approach), round wara ieħor u l-mużika tirbombja f’widnejna daqslikieku kienet xi ħaġa normali.
Sakemm ...
Minn warajna jitfaċċaw tliet bulldozers – l-aktar meta tqis li aħna konna għadna żgħażagħ ta’ dsatax u bl-ebda inklinazzjoni lejn ġlied jew vjolenza – jagħmlu l-arja magħna li wieħed mill-grupp tagħna kien offendiehom talli ġibdulu l-attenzjoni li kien qed jagħti fastidju lil xi tfajliet barranin. Minnufih fhimt li f’moħħhom kellhom ħaġa waħda: jagħmlu show bina. Ippruvajt inkellimhom bil-kelma t-tajba u nispjegalhom li Johnny kien magħna l-ħin kollu u kien biss każ ta’ identità żbaljata. Iżda minn widna daħal u mill-oħra sparat ħareġ. Qabdu fina donnhom l-ifferuċjati biex jixħtuna ‘l barra u waqt dan kollu jien kien aktar fi ħsiebi li ma tweġġax Mariella. Daqqiet, tixjir bil-ponn, dagħa, imbuttar u f’kemm trodd salib sibna ruħna fuq il-bankina quddiem il-ħars kurjuż ta’ ġemgħa li semgħet l-istorbju, avolja kienet ħaġa spissa dawk iż-żminijiet. Imma barra ma kien hemm l-ebda sinjal ta’ Mariella. Fejn kienet? Ħassejni konfuż u beżgħan, sakemm wieħed minn sħabi nfurmani li kienu żammewha ġewwa flimkien mat-tfajla t’ieħor. Nofs siegħa wara ħarġu jibku u jirrakkuntawlna li bl-iskuża li kellhom suspett li fil-handbags kellhom il-joints – skuża banali li kienet taħdem ħafna f’dik l-epoka – spiċċaw ibagħbsu fihom u jittrattawhom b’mod indiċenti. U kont ċert li Jimmy Cardona kien il-perċimes. Għax kien magħruf għal dawn l-affarijiet u l-kelma f’Paceville kellha ħabta tiġri iżjed min-normal. Għamilna rapport l-Għassa, interrogawhom u investigawhom madankollu fejn konna bqajna.
Mariella damet żmien ma tridx tirfes f’nightclub ieħor u ma kontx intieha tort.
Għadda ż-żmien u fittixtu u saqsejt għalih iżda kienu qaluli li mar jaħdem barra fuq xi rig taż-żejt l-Iskozja.
Iżda jekk hemm ħaġa li ma nagħmilx hija li ma ninsiex. Qatt.

1 comment:

  1. This comment has been removed by a blog administrator.

    ReplyDelete